George Cristian Mandrescu, Rumen ta’ 32 sena ntbaħat 21 xahar ħabs wara li ammetta li seraq minn dar f’Santa Venera.
Il-każ imur lura għad-dsatax ta’ Novembru tal-2015, meta l-Pulizija dakinhar tas-serqa ġiet infurmata li xi ħadd daħal fir-residenza fi Triq il-Kbira San Ġużepp u kien seraq diversi affarijiet. Fost dawn l-affarijiet hemm apparat elettroniku u ġojjeli.
Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni spjegat kif mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija Maltija rriżulta li l-ħalliel kien qed jgħix Spanja u hawnhekk ħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew.
Huwa ġie arrestat mill-Guardia Ċivili ta’ Spanja, fejn tressaq quddiem il-Qorti Spanjola u r-Rumen ġie rrilaxxat lill-Awtoritajiet Maltin.
Ġie spjegat kif Mandrescu nġieb f’pajjiżna lbieraħ permezz ta’ operazzjoni tal-Pulizija Maltija.
Intqal ukoll kif l-akkużat ammetta l-akkużi mal-Pulizija waqt l-interrogazzjoni.
Ir-Rumen ammeta wkoll li huwa riċediv.