Rumen li ġie arrestat fi Spanja wara ħruġ ta’ Mandat t’Arrest Ewropew inġieb lura Malta biex jaffaċċja akkużi b’rabta ma’ serq.
Kienu investigazzjonijiet intensivi mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, bl-assistenza tal-Pulizija Spanjola, li wasslu għall-arrest tar-Rumen ta’ 32 sena.
Dan b’rabta ma’ serqa li seħħet minn residenza fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, lura fl-2015.
Dakinhar, il-Pulizija kienet ġiet infurmata li xi ħadd kien daħal fir-residenza, seraq diversi affarijiet fosthom apparat elettroniku u ġojjelli, u ħarab minn fuq il-post. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli kienet ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Mill-istħarriġ li sar mill-Pulizija Maltija rriżulta li l-allegat ħalliel kien qiegħed jgħix fi Spanja u għaldaqstant inħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Huwa ġie arrestat mill-Guardia Ċivili ta’ Spanja u wara li tressaq fil-Qorti Spanjola, ir-Rumen ġie rrilaxxat lill-Awtoritajiet Maltin. Ir-raġel inġieb Malta lbieraħ skortat mill-Pulizija Maltija.