L-omiċidju ta’ Paulina Maria Dembska qajjem bosta reazzjonijiet u opinjonijiet f’pajjiżna. Ma jonqsux dawk legali hekk kif bosta xtarrew it-triq ’il quddiem għas-suspettat li jinsab allegatament responsabbli għal dan l-omiċidju.
Fost ħafna argumenti qam id-diskors fuq l-istat ta’ ġenn jew dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘insanity plea.’
Dwar dan it-terminu ONE News stħarreġ aktar flimkien mal-Avukat li jaħdem ħafna fil-qasam kriminali, Mario Mifsud.
Huwa beda billi spjega x’ifisser dan it-terminu.
“Immoru għal Artiklu 33 Kapitlu 9 fejn isemmi li meta bniedem ma jkunx fil-ħin li qed jiġi kommess ir-reat, ma jkunx kapaċi li jagħraf bejn is-sewwa u l-ħażin u allura ma jkunx jaf x’inhu jagħmel f’dak il-mument allura hemmhekk il-liġi tipprovdi li dik tkun difiża u allura ma jeħilx li tkun stabbilita għal dak ir-reat.”
Dr Mifsud tenna li mhux la kemm bniedem imur quddiem il-Qorti u jgħid li kien jinsab fi stat ta’ ġenn iżda jiġi ċċertifikat minn professjonisti.
Madankollu deċiżjoni finali dwar dan dejjem jeħodha l-ġudikant.
“L-Imħallef jew il-Maġistrat jista’ ma joqgħodx fuq il-pariri tal-esperti u jibqa’ tal-fehma li l-proċess jibqa’ għaddej. Kellna każijiet li dan ġara però fl-istess ħin kellna każijiet ukoll fejn id-difiża tal-insanità tqajmet u ġiet milqugħa u f’dak l-istadju l-Imħallef jista’ permezz ta’ Artiklu 623 tal-Kapitlu 9 tal-liġijiet ta’ Malta jista’ jordna li l-individwu jinżamm ġo l-Isptar Monte Karmeli.”
L-Avukat Mifsud tenna li hawn jidħlu r-regoli tal-istituzzjoni fejn tkun qed tinżamm il-persuna u l-akkużat ma jkunx jista’ joħroġ minn hemm qabel ma jkun ċertifikat li jkun mentalment stabbli.
Irrimarka wkoll kif dawn huma sitwazzjonijiet sensittivi ħafna anke minħabba l-qraba tal-persuna involuta.
Mistoqsi dwar il-perċezzjoni hemm barra dwar l-użu ta’ din l-arma legali quddiem il-ġustizzja, l-Avukat Mifsud sostna li dan mhux neċessarjament ifisser li l-akkużat jispiċċa barra fit-triq daqs li kieku m’għamel xejn.
Anzi rrimarka kif f’bosta każijiet pjuttost jiġri l-oppost.
“Hemm każijiet li jġorru mhux l-għomor bilfors imma jkunu pieni ferm inqas li din id-difiża tiġi milqugħa mill-Qrati u reat li forsi jkun iġorr 5 snin jista’ jkun li individwu jagħmel snin twal ġewwa Monte Karmeli għax l-ispeċjalisti jsostnu li mhuwiex tajjeb biex jintegra lura fis-soċjetà, jiġifieri mhuwiex kif forsi l-popolin jista’ jgħid ara dan ħa jeħlisha għax ħa jgħid li kien fi stat ta’ ġenn. Mhuwiex il-każ.”