Hermann Schiavone spiċċa iżolat fil-partit tiegħu stess wara sensiela ta’ kummenti li għadda u li ma niżlu tajjeb xejn mal-establishment Nazzjonalista u mat-tmexxija tal-Partit.
Dan tant li Hermann Schiavone spiċċa kostrett li ma jikkontestax l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-Partit Nazzjonalista.
L-irtirar tal-kandidatura tiegħu waslet ftit jiem wara li dikjarazzjonijiet li għamel spiċċaw tefgħu dell ikrah fuq it-tmexxija tal-Partit.
Fost l-oħrajn huwa kien ammetta li l-fatt li riesqa elezzjoni jagħmilha diffiċli li l-partit ineħħi lil Bernard Grech issa wara s-surveys ħżiena li kellu.
Schiavone: “Iċ-ċirkostanzi ta’ dakinhar għal-lum huma, qatt ma jkunu l-istess.”
Ġurnalist: “X’inbidel?”
Schiavone: “Inbidel iż-żmien fil-leġiżlatura if anything hux.”
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna kif din id-dikjarazzjoni ġabet rabja kemm mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, iżda wkoll mill-establishement Nazzjonalista li ħass li Schiavone kixiflu l-karti dwar il-pjanijiet li għandu għal Bernard Grech.
Pero din ma kinitx l-unika dikjarazzjoni li wasslet biex il-Partit Nazzjonalista ma jitteħidx bis-serjetà.
Fost l-oħrajn Hermann Schiavone għażel li jiġġustifika n-numri miżeri li kien kiseb fis-survey b’mod pjuttost umoristiku.
Dan hekk kif kien qal li n-nies dak iż-żmien kien iktar moħħhom fil-kampjonat tal-Euro li kien qed jintlagħab dak iż-żmien”
“Dan is-survey sar f’mument fejn il-poplu Malti kien moħħu fil-futbol. Jiġifieri meta, s-survey beda fit-28 ta’ Ġunju, t-Tnejn mhux li għadda ta’ qabel, sa nhar it-Tlieta, u allura kellek il-EURO għaddej u l-politika naħseb ħadet it-tieni post f’dak illi huwa prijoritajiet tan-nies.”
Sorsi mill-imkejjen tal-istamperija qalulna kif it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kienet ikkunsidrat din id-dikjarazzjoni bħala tentattiv biex iwaqqa’ is-sitwazzjoni mwiegħra tal-Partit għaż-żufjett.
Dan hekk kif lil Bernard Grech kompla jitfalu l-melħ fil-ferita wara li minn dak li wiegħed lill-partitarji fl-elezzjoni ta’ Kap ma rnexxielu jwettaq xejn u flok ġab il-Partit fuq saqajh kompla jiżloq fin-niexef.
Wara l-ostilità li beda jirċievi mingħand sħabu, Schiavone ma kellu l-ebda għażla ħlief li jdoqq l-irtirata u jiddikjara li mhux ser ikun qed jikkontesta mill-ġdid f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Biex hekk kompliet l-emoraġija ta’ kandidati li qed iħallu lil Partit fi tmiem leġiżlatura u fuq għatba ta’ waħda ġdida.
Fost l-oħrajn s’issa Therese Comodini Cachia diġà ddikjarat li mhux ser tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss filwaqt li rriżenja ukoll Jonathan Dingli minn Kunsillier Nazzjonalista fl-Imqabba u Tiffany-Abela Wadge u George Muscat irtiraw ukoll il-kandidatura tagħhom minn mal-Partit Nazzjonalista.
Iżda fid-Dar Ċentrali huwa magħruf sew li dan hu biss il-preludju għal iżjed riżenji u rtirar b’iżjed kandidati u deputati attwali qed jistennew biss ix-xoqqa f’moxta biex huma wkoll jagħmlu dan il-pass.