Il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, mhux se tħassar ir-rotot tagħha lejn is-sittax-il destinazzjoni li ttir lejjhom, iżda qed tippjana l-frekwenzi tat-titjiriet tagħha skond id-domanda fl-iskeda tax-xitwa.
Fi stqarrija l-Air Malta qalet kif minħabba s-sitwazzjoni ta’ bħalissa kawża tal-pandemija, f’Jannar u Frar naqset id-domanda ta’ turisti, mhux lejn pajjiżna biss iżda lejn il-pajjiżi kollha madwar id-dinja.
Intqal kif dan jikkuntrasta ma’ dak li għamlu linji tal-ajru oħra, li f’dawn iż-żminijiet qed iħassru r-rotot tagħhom skedati.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta David Curmi qal li b’din id-deċiżjoni l-linja tal-ajru qed tevita milli jkun hemm titjiriet b’ajruplani vojta u saħaq kif dan se jibqa’ jsir sakemm id-domanda terġa’ lura għal livelli b’saħħithom.
L-Air Malta spjegat kif fid-dawl ta’ bosta restrizzjonijiet li ġew introdotti madwar l-Ewropa, il-kumpanija rat numru ta’ nies iħassru l-bookings tagħhom.
Huwa semma wkoll kif l-Air Malta se tiżgura konnettività mal-ibliet ewlenin Ewropej u ajruporti ewlenin matul is-sena kollha.