Malta hija l-iżjed pajjiż fost il-pajjiżi kollha fl-Ewropa li qed jitlaqqmu bit-tilqima tal-booster.
Dan intqal mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-programm TEMI ppreżentat minn Claudia Cuschieri fuq ONE Radio.
Chris Fearne qal kif s’issa tlaqqmu sitta u ħamsin fil-mija (56%) tal-adulti Maltin u Għawdxin.
Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll kif pajjiżna għandu fost l-ogħla rati ta’ tilqim bil-booster madwar id-dinja.
Huwa qal kif f’pajjiżna qed jitlaqqmu mal-għaxart elef persuna kuljum bit-tilqima tal-booster.
Fearne spjega kif il-politika tal-Gvern qed tiddependi fuq l-immunità tal-poplu Malti.
Din hija differenti minn politika li qed issir fiċ-Ċina, fl-Olanda u fil-Ġermanja, hekk kif hawnhekk qed isiru l-lockdowns.
Qal, “Aħna li għandna daqstant nies imlaqqmin u issa anke bil-booster, mexjin b’din ir-rata tajba ħafna u mgħaġġla, qed nibbażaw aktar illi għax għandna ħafna nies imlaqqmin u għax it-tilqima tipproteġik milli jkollok mard serju, illi allura għandna inqas bżonn ta’ lockdowns, ta’ nies li ma jiltaqgħux man-nies, għax għandna nies li huma protetti.”
Huwa spjega kif dan jista’ jibqa’ għaddej jekk in-nies jirrikorru u jieħdu l-booster.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif il-każijiet ta’ pazjenti rikoverati fl-isptar minħabba l-Covid-19, għadhom stabbli.
Il-Ministru għas-Saħħa qal kif dan dejjem se jiddependi fuq kemm nies adulti mill-popolazzjoni se jieħdu d-doża tal-booster.
Qal kif l-effetti tal-booster huma żgħar, bħal ma jiġri f’tilqim ieħor.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif meta wieħed jieħu l-booster, ikun qed jibża’ għal dawk ta’ madwaru u anke biex ma jiżdiedux il-miżuri restrittivi.
Chris Fearne spjega kif fit-Taqsima għall-Kura Intensiva hemm ħames persuni, li minnhom għadhom żgħar fl-età, jiġifieri għandhom bejn it-tletin u l-erbgħin sena u dawn ma ħadu l-ebda tilqima għal kontra l-Covid-19.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif it-tilqim tat-tfal huwa sigur, bħal kull tilqim ieħor li jingħataw it-tfal.
Huwa qal kif studji juru li kien hemm madwar miljun tifel u tifla fl-Ewropa li spiċċaw fl-isptarijiet minħabba l-Covid-19.
Dwar il-miżura li mit-Tnejn sbatax ta’ Jannar, biex tidħol fi stabbilimenti differenti, trid tidħol b’ċertifikat tal-vaċċin validu, id-Deputat Prim Ministru spjega kif l-avviż legali, se jinkludi xi eċċezzjonijiet.
Fost dawn hemm dawk li huma taħt it-tmintax-il sena, hekk kif għad m’hemmx doża tal-booster approvata għal din il-kategorija ta’ età.
Ma’ dawn hemm ukoll dawk in-nisa li jkunu għadhom fl-ewwel tliet xhur tat-tqala.
Spjega, “Għal xi ħadd illi jkun pożittiv għal perjodu ta’ sitt ġimgħat wara, għax aħna l-parir ikun illi ma jieħux il-booster f’dak il-perjodu. Xorta ħa jkun jista’ jkollu ċertifikat tal-vaċċin li huwa validu, anke jekk ma jkunx għadu ħa l-booster.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif l-avviż legali se jkun qed joħroġ fil-ġimgħat li ġejjin.
Spjega kif meta wieħed se jidħol fi stabbilimenti ta’ divertiment se jkunu qed jiċċekkjaw l-QR Code fuq iċ-ċertifikat tal-vaċċin, li huwa wieħed sigur u jaqbad dawk li jiffalsifikawh, jekk ikun hemm xi każijiet hekk.
Id-Deputat Prim Ministru spjega kif dawk il-ħaddiema li jaħdmu fl-istabbilimenti li biex tidħol fihom se jintalab ċertifikat tal-vaċċin validu, l-istess ħaddiema jridu jkunu mlaqqma wkoll u b’ċertifikat tal-vaċċin validu.