Wara li tul il-jum tat-Tnejn 3 ta’ Jannar intlaħaq rekord tan-numru ta’ dożi tal-booster amminsitrati f’ġurnata waħda, ONE News żar wieħed miċ-ċentri ta’ tilqim f’pajjiżna, fejn tkellimna ma’ kordinatur tal-programm tat-tilqim f’pajjiżna, Jorgen Sounnes.
Qal, “Ilbieraħ kif nafu, lħaqna ’l fuq minn għaxart’elef doża. Dan kien numru rekord f’dawn l-aħħar sena u xahar li bdejna minn Diċembru ta’ sentejn ilu u dan huwa grazzi ta’ ċentri differenti li ftaħna biex kemm jista’ jkun inlaħqu mad-domanda tan-nies.”
Huwa spjega kif fl-aħħar ġimgħa komplew jiżdiedu ċ-ċentri ta’ vaċċinazzjoni madwar pajjiżna sabiex b’hekk is-sistema tkompli tlaħħaq mad-domanda li hawn għall-vaċċinazzjoni.
Spjega, “Din l-aħħar ġimgħa ftaħna l’fuq minn għoxrin ċentru madwar Malta, ftaħna l-health centres, fejn qabel kienu qed jagħtu l-vaċċin tal-influwenza. Ftaħna l-Community Clinics li baqgħu sejrin fl-aħħar ta’ Ottubru li għadda ilaqqmu, ilaqqmu bil-vaċċin tal-Covid. Għandna fil-Mater Dei qed ilaqqmu fil-foyer area, għandna l-Università għadha għaddejja bil-boosters u tilqa’ nies tal-ewwel u t-tieni doża wkoll. Għandna l-blood bank il-Pietà, għandna St.Lukes, Karen Grech, qed inlaqqam lin-nies hemmhekk ukoll għall-booster doses. Ftaħna l-MCAST ta’ Paola wkoll. Qed nagħmlu numri sostanzjali biex ovjament Malta kollha ftaħna dawn iċ-ċentri biex kemm jista’ jkun inlaħħqu mad-domanda tan-nies li hawn għall-vaċċin.”
Sounness spjegalna kif bħalissa qed jitlaqqmu bosta żgħażagħ wara li fis-27 ta’ Diċembru l-applikazzjonijiet għall-booster fetħu għal dawk kollha li għandhom ’il fuq minn tmintax-il sena.
Qal, “Qed japplikaw ħafna żgħażagħ li għadhom ma ħadux il-vaċċin, li ma ħadux il-booster. Qed ikollna nies li għadhom ma tlaqqmux bl-ewwel jew it-tieni doża u qed ikollna wkoll dawk li għal xi raġuni jew oħra tilfu t-tieni d-doża fix-xhur li għaddew u dawn qed nilqgħuhom l-Università gateway.”
Huwa temm jappella biex min għadu ma ħax il-vaċċin jew il-booster, jidħol fuq is-sit vaccin.gov.mt sabiex jirreġistra u jingħata appuntament.
Dan filwaqt li tenna għal darba oħra dwar l-importanza li jitlaqqmu kemm l-adulti iżda wkoll it-tfal, hekk kif din hija l-unika arma kontra l-virus li qed jisfida lid-dinja.