Il-pazjent ma jistax jistenna.
Bħalissa f’pajjiżna hawn nuqqas fil-provista tad-demm, partikolarment f’dak meqjus bħala O positive, O negative u A negative.
Iltqajna mad-direttur fi ħdan iċ-Ċentru għall-għoti tad-Demm Dr Monique Debattista, li qaltilna li minħabba li ħafna nies qegħdin fi kwarantina, l-ammont ta’ nies li qed jersqu biex jagħtu d-demm bħalissa naqas drastikament.
Hija qaltilna li kull min iħossu b’saħħtu hu importanti li anki f’dawn l-ewwel jiem tas-sena l-ġdida, jersaq biex jagħti d-demm, ħalli l-provista tkun waħda adegwata għall-bżonnijiet li jinqalgħu.
Staqsejniha għaliex huwa mportanti li l-pajjiż ikollu provista adegwata ta’ demm.
Spjegat, “Il-provista importanti għax għandna pazjenti ikollhom bżonn id-demm il-ħin kollu. Hawn min jgħidlek li operazzjoni forsi tista’ ssir aktar tard, imma għal dak li għandu bżonn l-operazzjoni ħa tkun problema, l-aspett psikoloġiku, li ħa tiġi posposta, apparti l-gravità tal-operazzjoni nnifisha, apparti minn hekk għandna ħafna pazjenti li jiddependu fuq it-trasfużjonijiet tad-demm b’mod regolari. Dawn huma bħal pazjenti tal-onkoloġija, li għandhom xi leukaemia jew lymphoma, ma tistax tipposponiha it-trasfużjoni, jiġifieri qed tolqot direttament il-pazjenti tagħna.”
Dr Debattista saħqet li kull min ħa t-tilqima tal-influwenza staġjonali kif ukoll dawk kontra l-imxija tal-Covid 19 xorta waħda jistgħu jersqu biex jagħtu d-demm.
Dawk li ħadu l-ewwel tilqima, it-tieni u anki l-booster għandhom iħallu sebat ijiem jgħaddu qabel ma jersqu biex jagħtu d-demm, iżda min ma jkollux sintomi, bħal deni, jista’ jirrikorri biex jagħti d-demm, biss wara jumejn.
Kellimniha wkoll dwar dawk li qed jibżgħu biex jersqu biex jagħtu d-demm minħabba l-imxija fejn Dr Debattista serħet ras kulħadd li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji
Qalet, “Bħala prekawzjonijiet qed nieħdu dawk li huma misħuqa fuqhom mill-Awtoritajiet tas-Saħħa li ilna għaddejjin bihom mill-bidu tal-pandemija u naturalment komplejna bihom. Malli qed jidħlu in-nies qed insaqsuhom jekk kinux ma jifilħux, jekk hux qed jistennew xi swab test, f’dan il-każ, nitolbu lid-donatur biex jerġa’ jiġi iktar tard fil-ġimgħa, nagħmlu ħafna testijiet ta’ temperatura, naħslu jdejna bħala staff, u nipprovdu hand rubs, il-couches li nużaw ikunu mimsuħa b’alkoħol speċjali. B’hekk aħna nassiguraw li l-post huwa wieħed sigur għad-donaturi u anki għall-istaff jiġifieri ironikament bħala post huwa mill-iktar safe li wieħed jista’ jmur fih f’pandemija.”
Fl-aħħar nett, Dr Monique Debattista ħeġġet biex ikunu aktar il-gruppi ta’ nies li f’dan iż-żmien tas-sena jingħaqdu flimkien u jmorru jagħtu d-demm.
Hija qalet li kull grupp għandu jkun ta’ mhux aktar minn sitta fis-siegħa. Dan qed isir bħala miżura ta’ prekawzjoni kontra l-Covid 19.
Kull min iħossu b’saħħtu għandu jmur iċ-Ċentru tal-għoti tad-demm, jippreżenta kull tip ta’ dokument ta’ identifikazzjoni, mit-Tnejn sal-Ħadd mit-tmienja ta’ filgħodu sas-sitta ta’ filgħaxija.
L-appelli tagħna jibqgħu favur dawk il-pazjenti li għandhom bżonn id-demm, u għalhekk ninkoraġġukom li tkun leali lejhom u tibqgħu tagħtu d-demm b’mod regolari, mingħajr biża’.