Aktar minn elf u mitejn persuna, fosthom diversi Maltin, taw l-għajnuna finanzjarja tagħhom biex inġabret is-somma ta’ għoxrin elf ewro sabiex il-katavru ta’ Paulina Dembska jintbagħat il-Polonja għal difna xierqa.
Il-flus inġabru f’inqas minn sittax-il siegħa minn meta ħbieb ta’ Dembska niedew kampanja fuq il-paġna GoFundMe biex jinġabru fondi għall-ispejjeż involuti fit-trasport tal-katavru tagħha lejn il-Polonja.
Paulina Maria Dembska, il-Pollakka ta’ disgħa u għoxrin sena, nqatlet u nstabet mejta fil-ġnien l-Indipendenza f’tas-Sliema, il-post fejn ta’ kuljum kienet tmur tagħlef il-qtates.
Kien dan l-istazzjon li żvela li t-tfajla nstabet imneżża’ mill-ħwejjeġ u jista’ jkun li ġiet stuprata mis-suspettat ewlieni Abner Aquilina ta’ għoxrin sena miż-Żejtun.
Il-ħbieb tal-vittma qalu li jinsabu mnikkta bil-qtil brutali ta’ Dembska, li fissruha bħala tfajla twajba.