Pazjenti bil-COVID-19 fl-isptarijiet fir-Renju Unit għandhom sintomi inqas severi meta mqabbla ma’ dawk li kienu rikoverati aktar qabel b’varajnti oħra.
Il-Ministru Ingliż responsabbli għat-tilqim u s-Saħħa Pubblika Maggie Throup qalet ukoll li n-numru ta’ pazjenti rikoverati fl-isptarijiet bħalissa huma madwar nofs li kien hemm sena ilu. Dan minkejja li n-numru ta’ infezzjonijiet sploda ’l fuq.
L-infezzjonijiet bl-Omicron fir-Renju Unit jammontaw għal 90% tal-każijiet preżenti.
Il-Ministru saħqet dwar kemm il-vaċċin kontra l-COVID-19 qed ikun effettiv biex persuni nfettati bil-virus ma jkollhomx bżonn jieħdu l-kura fl-isptar.
Bħalissa hemm aktar minn 14,000 persuna pożittiva għall-COVID-19 fl-isptarijiet, 20,000 anqas minn kemm kien hemm is-sena l-oħra.
Madanakollu, n-numru ta’ infezzjonijiet qed ifixkel il-ħajja ta’ kuljum, hekk kif numru ta’ negozji fir-Renju Unit qed inaqqsu l-operat hekk kif ħafna ħaddiema bħalissa jinsabu fi kwarantina.
Fil-fatt, xi operaturi tal-ferroviji kellhom iħassru s-servizzi tagħhom kawża t’hekk; u anke l-iskejjel għandhom nuqqas ta’ għalliema, hekk kif reġgħu fetħu l-bibien tagħhom għall-istudenti wara l-vaganzi tal-Milied.