Is-suspettat li qatel lil Paulina Maria Dembska aktarx lissen xi kelma b’rabta mal-qtil tal-Pollakka waqt li kien fi klinika wara li ġie miġbur mill-Pulizija minn barra l-Knisja tal-Balluta f’tas-Sliema.
Dettalji ġodda li għandu f’idejh ONE News juru li s-suspettat Abner Aquilina nġabar mill-Pulizija wara sejħa min-nies li kienu fil-Knisja u li raw il-kommossjoni li nqalgħet.
Fil-fatt ingħad li Aquilina kien fil-Knisja u spiċċa tela’ fuq l-artal u qaleb sedja u leġiju.
Filwaqt li ħasad lil dawk kollha li kienu fil-Knisja jistennew biex tibda l-ewwel quddiesa tal-ġurnata, nifhmu li raġel li kien preżenti ħareġ lil Aquilina barra mill-Knisja.
Meta nġabar mill-Pulizija u ttieħed l-għassa, il-Pulizija kienet għadha mhux torbot lil Aquilina mal-qtil tat-tfajla li ntlemħet mejta ftit tal-ħin qabel ġie arrestat Aquilina.
Aquilina ttieħed fi klinika u hemmhekk qed jingħad li lissen xi kelma b’rabta mal-qtil u minn hemm il-Pulizija bdiet tqisu bħala suspettat.
Il-Pulizija qed timxi fuq it-teżi li s-suspettat u l-vittma ma kinux jafu lil xulxin.
Il-Pulizija lbieraħ qalet ukoll li l-interrogazzjonijiet ġew sospiżi wara li tabib li invista lil Abner Aquilina, irreferih għall-isptar Monte Karmeli.
Dan l-iżvilupp mistenni jtawwal il-proċess tal-ġustizzja hekk kif għalissa Aquilina mhux mistenni jitressaq il-Qorti.
Intant ilbieraħ saret l-awtopsja u ONE News żvela li t-tfajla ġiet stuprata u aktarx mietet waqt l-istupru.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet żvelaw ma’ ONE News li persuna lemaħ liż-żagħżugħ suspettat fuq it-tfajla u din la bdiet tgħajjat u lanqas tirreżistih.
Ftit tal-ħin wara li ħarġet l-aħbar li nstab katavru fi ġnien l-Indipendenza, ONE News żvela wkoll li t-tfajla nstabet imneżża’.
Ilbieraħ ONE News żvela wkoll li Paulina Maria Dembska kienet pjanata li tħalli pajjiżna jumejn qabel inqatlet iżda ż-żjara tagħha f’pajjiżna ġiet imġedda b’ġimagħtejn.
Dembska kienet f’pajjiżna bħala studenta u kienet qed tgħix f’hostel f’tas-Sliema, ftit ’il bogħod fejn instabet mejta.
Nifhmu wkoll li Dembska kienet tmur titma’ l-qtates li kienu jinġabru fil-ġnien u ta’ spiss kienet tkun fl-inħawi tal-ġnien.
Gordon Manchè tar-River of Love ddistakka ruħu mis-suspettat li hu mifhum li ġieli attenda xi attivitajiet tar-River of Love.
Manchè saħaq li Abner Aquilina qatt ma kien parti mir-River of Love.
Rapporti qed jgħidu li s-suspettat qal lill-pulizija li huwa kien manipulat mix-xitan meta qatel lil Dembska.
Sadanittant ħbieb ta’ Dembska qed jiġbru flus għall-funeral tagħha u biex il-ġisem tagħha jintbagħat il-Polonja għal difna xierqa.
Il-ħbieb tal-vittma qalu li jinsabu mnikkta bil-qtil brutali ta’ Dembska li fissruha bħala tfajla twajba.
Il-ħbieb tat-tfajla qalu li l-familja tal-vittma jeħtieġu l-flus biex din tinbagħat lura.