L-għaqda volontarja Nature Trust laqgħet inizjattiva ambjentali tal-Gvern li tħabbret ġimgħa ilu li se tara l-parit tas-sajjieda li jintilef fil-baħar, jiġi rkuprat, u b’hekk jiġu mħarsa diversi speċi tal-baħar.
F’kummenti ma’ ONE News, il-President tan-Nature Trust, Vince Attard stqarr li din l-inizjattiva hija ta’ benefiċċju għal kulħadd, kemm għas-sajjieda, u anke għal mijiet ta’ speċi tal-baħar li jkunu f’periklu minħabba dawn ix-xbieki mitluqa.
Attard stqarr li din l-inizjattiva tgħin ukoll lim-Nature Trust innifisha.
Qal, “Fil-każ tagħna naqsu n-numru ta’ fkieren u dniefel li jidħlu għandna li jinqabdu f’dawn ix-xbieki li jkunu qegħdin fil-baħar waħedhom u jkunu ‘ghost fishing’, fejn ħafna drabi ma jiddiskriminawx f’dawk li jaqbdu, jew jegħreq u jispiċċa jmut fix-xibka wkoll.”
Huwa nnota kif b’inqas sejħiet għall-għajnuna mis-sajjieda, huma jkunu jistgħu isalvaw aktar annimali u jużaw inqas riżorsi.
Fil-fatt huwa spjega kif il-maġġoranza ta’ fkieren li jkollhom bżonn għajnuna li jiġu f’idejn Nature Trust jiġu minħabba li dawn jinqabdu fi xbieki u apparat tas-sajd ieħor.
Għalhekk Attard kellu messaġġ ta’ ringrazzjament lis-sajjieda kollha.
Tenna, “Minn hawn nixtieq nirringrazzja lis-sajjieda li jġibulna dawn il-fkieren minn barra biex insalvawhom ukoll. Naħseb li din hija xi ħaġa li nistgħu minnha nistgħu nirkupraw kollha flimkien għal baħar aħjar u baħar aktar nadif għal kulħadd.”