Is-sena 2021 ma ġabitx magħha l-aqwa ċirkostanzi għax-xogħol, mhux biss f’pajjiżna imma madwar id-dinja kollha. Iżda għalkemm il-pandemija ġabet magħha sfidi bla preċedent is-sena li għaddiet xorta waħda kienet pożittiva għall-qasam tax-xogħol. Dan hekk kif fost l-oħrajn pajjiżna rnexxielu jilħaq l-inqas livelli ta’ qgħad fl-istorja. Kisba li s-sinifikat tagħha jkompli jikber fid-dawl li dawn il-livelli pożittivi ntlaħqu waqt pandemija.
Għalkemm il-pandemija ġabet magħha sfidi kbar il-Gvern ra li jibqa’ joffri spalla ta’ sostenn lin-negozji u l-ħaddiema f’pajjiżna. Dan filwaqt li kull ma jmur kompla jitkabbar l-investiment fl-opportunitajiet għall-ħaddiema ġodda f’pajjiżna.
Fost l-oħrajn, f’Ġunju li għadda l-Gvern alloka żewġ miljun u seba’ mitt elf ewro f’forma ta’ pjan ta’ għajnuna biex jinkoraġixxi kumpaniji fl-industrija jħaddmu studenti permezz tal-apprentistat.
Fil-fatt il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni kien ħabbar kif permezz tal-apprendistat fl-MCAST, għal din is-sena ġie allokat €750,000 filwaqt li għal din is-sena se jkunu allokati €2 miljun.
Saħansitra, f’Ottubru li għadda l-Gvern nieda l-politika nazzjonali dwar is-suq tax-xogħol li ser twassal għall-2030. Din saret wara proċess wiesgħa ħafna ta’ konsultazzjoni ma’ aktar minn 250 sid ta’ negozju u 4,000 ħaddiem. Dan l-eżerċizzju wassal għal 40 rakkomandazzjoni li fost l-oħrajn jiffukaw fuq il-ħiliet tal-ħaddiema u l-edukazzjoni.
Rakkomandazzjonijiet li minnufih wara bdiet il-ħidma dwarhom anke permezz tal-miżuri tal-budget għal din is-sena li jippremjaw il-bżulija bi tnaqqis ta’ taxxa fuq l-overtime u l-part time.