Il-kalendarju huwa importanti ferm fil-ħajja ta’ kuljum, madanakollu ftit huma dawk li jafu kif il-mod ta’ kif inkejlu l-ħin madwar id-dinja ġie stabbilit u kif dan inbidel matul iż-żmien.
Mal-medda taż-żmien kienu bosta dawk li ppruvaw joħolqu kejl differenti ta’ ħin, iżda l-kalendarju Gregorjan huwa l-kejl l-aktar popolari madwarna, magħruf ukoll bħala l-kalendarju ċivili.
Fil-fatt, hawn popli madwar id-dinja li jużaw dan it-tip ta’ kejl filwaqt li jkollhom kalendarju differenti għal skopijiet reliġjużi, speċjalment dawk Musulmani.
Il-Knisja Kattolika kellha sehem importanti fil-kalendarju Gregorjan.
Dwar dan tkellimna mal-istoriku Reverendu Dr Nicholas Doublet li spjegalna l-evoluzzjoni tal-kejl taż-żmien.
Doublet spjegalna kif il-kalendarju ċivili huwa bbażat fuq dak solari ta’ tliet mija ħamsa u sittin ġurnata, b’kull erba’ snin ikollna tliet mija sitta u sittin ġurnata.
Però dan joħloq diskrepanza ta’ ħdax-il minuta mal-kalendarju solari.
Fl-1582, il-Papa Girgor XIII ikkoreġa din id-diskrepanza.
Dan għaliex dak iż-żmien din id-diskrepanza kienet laħqet għaxar t’ijiem.
Doublet stqarr, “Allura biex jikkoreġi ħa deċiżjoni li f’Ottubru ta’ dik is-sena jikkanċella għaxar ġranet mill-kalendarju. Propju n-nies marru fil-futur, qabżu għaxart’ijiem. Bejn l-4 t’Ottubbru, Jiġifieri raqdu fl-4 t’Ottubru ta’ dik is-sena u qamu fil-15 t’Ottubru.”
Minn fejn wieħed jibda jgħodd iż-żmien ukoll kien suġġett għal differenzi.
Eżempju sal-ewwel seklu kien hemm modi oħra kif wieħed ikejjel l-età bl-użu ta’ diversi punti minn fejn jibda l-għadd.
Drawwa li l-Papa Franġisku għadu jżommha sal-lum il-ġurnata fl-ittri tiegħu, meta juża d-data ta’ meta sar il-mexxej tal-Knisja Kattolika.
Illum il-ġurnata nużaw it-twelid ta’ Kristu bħala punt ta’ referenza minn meta nibdew ngħoddu, kif innota ir-Reverendu Doublet.
Huwa tenna, “Li dawn imbagħad bdew jużaw bil-mod il-mod anki fid-dokumenti uffiċjali din l-era nisranija, l-Anno Domini li għandna nużaw aħna sal-lum. Li bejn wieħed u ieħor jiffissa s-sena ta’ Kristu għas-sena żero imbagħad jibda jgħodd minn hemm. Nafu li hemm xi diskrepanza ta’ sitt snin anki hemmhekk, jiġifieri.”
Minkejja li llum il-ġurnata l-kalendarju Gregorjan huwa użat madwar il-dinja, dan il-kejl ħa sekli biex infirex ’il barra minn dawk il-pajjiżi tradizzjonalment Kattoliċi.
Doublet innota ukoll li l-kalendarju oriġinali Ruman kien jinqasam f’għaxar xhur, iżda żewġ imperaturi żiedu xahrejn ma’ dan bil-ħsieb li jirranġaw din id-diskrepanza.
Spjega, “Giulio Cesare imbagħad semma’ ix-xahar meta twieled, Lulju għalih jiġifieri biddel l-isem tax-xahar. L-istess għamel is-senat fil-każ ta’ Awgustu. Il-kumplament, għala aħna ngħidu Septembris, is-seba’ xahar għadu minn mindu s-sena kienet b’għaxar xhur. Octobris aħna għalina huwa l-għaxar xahar imma huwa it-tmien xahar f’ismu, Novembris id-disa’ xahar, Dicembris, l-għaxar xahar.”