F’erba’ maratoni ġbir ta’ fondi lokali fl-aħħar xahar nġabru tminn miljun u mitejn u tlieta u sittin elf, mija u tlieta u ħamsin ewro.
L-aħħar fost il-maratoni ġbir ta’ fondi f’dan iż-żmien ta’ festi kien hemm dik f’ġieħ id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. F’din il-maratona annwali li ġġib l-isem ta’ Festa ta’ Ġenerożità, u li bħas-soltu ttellegħet fl-ewwel jum tas-sena nġabret is-somma ta’ miljun, erba’ mija u disat’ elef u ħamsa u tmenin ewro.
Permezz tal-fondi miġbura, id-Dar se tkun tista’ tkompli tipprovdi l-aħjar servizz residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità li jgħixu fid-djar tagħha fis-Siġġiewi u fil-komunità.
Id-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità tiegħu.
L-ikbar ġabra saret l-għada tal-Milied fl-Istrina fejn b’kollox inġabru ħames miljun u tminn mija u ħamsa u erbgħin elf ewro. Ta’ din is-sena kienet is-sitta u għoxrin edizzjoni li fiha f’maratona ta’ tnax-il siegħa bejn nofsinhar u nofsillejl inġabru flus b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Il-President ta’ Malta George Vella, li din is-sena ma setax ikun fiżikament preżenti minħabba li kien fi kwarantina flimkien ma’ martu, stqarr kif sal-aħħar minuti il-Malti baqa’ juri l-qalb kbira billi jagħti d-donazzjonijiet.
Il-President stqarr, “Minn għada nkomplu bix-xogħol tagħna. Il-Malta Community Chest Fund tkun hemm 365 ġurnata fis-sena kollha u minn dawn il-flus li ġbarna jibdew jiġu mqassmin ħalli jagħmlu l-karità u l-opri tal-ħniena ma’ min ikollu bżonn.”
F’maratona ġbir ta’ fondi tul il-jum tal-Ħadd 5 ta’ Diċembru il-Partit Laburista ġabar is-somma sabiħa ta’ ħames mija u sebgħa u sebgħin elf, mitejn wieħed u għoxrin ewro. Dakinhar fi tmiem ix-xandira tal-maratona l-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lin-nies tas-sostenn tagħhom filwaqt li wiegħed aktar ħidma b’risq il-familji Maltin u Għawdxin.
Fost dawn l-erba’ maratoni ġbir ta’ fondi prinċipali, l-inqas ġabra kienet dik tal-Partit Nazzjonalista b’ ġabra ta’ erba’ mija u wieħed u tletin elf, tminn mija u sebgħa u erbgħin ewro.