F’Malta, il-ħwienet mhux meqjusa essenzjali u l-istabbilimenti tad-divertiment kienu l-inqas li ħassew l-impatt negattiv tal-pandemija f’Diċembru, fost il-pajjiżi membri kollha fl-Unjoni Ewropea.
Ikkonfermat dan il-gazzetta Kullħadd wara li wettqet analiżi għall-perjodu ta’ Diċembru bbażata fuq statistika mill-kumpanija Google fejn ta’ kuljum tqabbel il-moviment ta’ dawk li jużaw il-prodotti tagħha fi smartphones mal-moviment li kien hemm qabel bdiet il-pandemija.
Fil-fatt, din l-informazzjoni tindika li fix-xahar tal-Milied, sinonimu ħafna max-xiri tar-rigali fost oħrajn, il-Maltin u l-Għawdxin marru fi ħwienet u f’postijiet ta’ rikreazzjoni 13% aktar milli kienu marru qabel bdiet l-imxija.
B’hekk din l-istatistika tkompli tikkonferma l-effetti pożittivi tal-miżura li ħa l-Gvern.
Wara Malta, kienu biss l-Ungerija, il-Portugall, id-Danimarka u l-Kroazja li kellhom aktar attività f’dawn in-negozji minn Diċembru tal-2019.
L-Ungerija kisbu inqas minn nofs il-perċentwal ta’ Malta b’6% filwaqt li l-Portugall kisbu 3% u d-Danimarka u l-Kroazja kisbu biss żieda ta’ 2%.
Intant, mill-istess statistika joħroġ biċ-ċar li f’pajjiżi ferm akbar minn Malta bħall-Ġermanja, kien hemm tnaqqis ta’ 14% fin-negozju meta kkumparat mal-2019, mentri l-agħar li marru kienu n-negozji fl-Awstrija fejn kien hemm tnaqqis ta’ 38%.
Madankollu dan ir-riżultat ferm pożittiv għal pajjiżna ma wasalx b’kumbinazzjoni. Dan hekk kif il-Kullħadd tindika li wkoll f’Diċembru tal-2020 l-azjendi Maltin kienu wkoll fl-aħjar sitwazzjoni fl-UE.
Dan minkejja li dakinhar l-attività kienet 14% inqas milli kienet qabel bdiet il-pandemija. F’pajjiżi oħra bħas-Slovenja it-tnaqqis kien aktar minn erba’ darbiet aktar minn dak ta’ Malta, b’60%.
Dawn ir-riżultati għal pajjiżna huma prova oħra ċara tar-reżiljenza tal-ekonomija Maltija u s-saħħa tal-irkupru fil-konsum privat. Dan b’riżultat tal-għajnuna li ngħatat mill-Gvern Malti lill-familji u lin-negozji biex jibqgħu fuq saqajhom.
Din l-għajnuna mill-Gvern ta’ Robert Abela fost oħrajn inkludiet it-tnaqqis tat-taxxi u ż-żieda fil-benefiċċji fosthom il-Covid Wage Supplement li sa Diċembru b’kollox laħħaq spiża ta’ €653 miljun.
Intant bħalissa Gvern Laburista qed jibqa’ jkun ta’ spalla għan-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin. Dan fost oħrajn fis-sitwazzjoni ta’ żieda fil-prezzjijiet tal-enerġija u t-trasportazzjoni madwar l-Ewropa u d-dinja.
Filwaqt li madwar l-Ewropa l-familji qed jaffrontaw żieda medja ta’ 18% fil-prezz tal-elettriku, b’pajjiżi bħal Spanja jkollhom żieda ta’ xejn inqas minn 48%, f’Malta l-prezz baqa’ stabbli.
L-istess fejn jidħol il-prezz tal-fjuwil, f’Malta dan baqa’ stabbli minkejja li madwar l-Unjoni Ewropea ġew irreġistrati żidiet anke ta’ 28 ċenteżmu fil-litru jew aktar minn 20%.
B’differenza, f’Malta tant issaħħet is-sitwazzjoni finanzjarja tal-familji li fi tmiem l-2021 laħqu livell rekord ta’ depożiti mal-banek, li qabeż il-€15-il biljun għall-ewwel darba fl-istorja.
Dan hu kważi d-doppju tal-livell ta’ depożiti li kien hemm f ’Marzu tal-2013 taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista.