Fi żmien dawn il-festi, il-ħajja donna tieqaf imqar għal ftit jiem. Kulħadd mistenni jieħu nifs mill-ħajja mgħaġġla u turbulenti ta’ kuljum.
Iżda din mhix ir-realtà għal kulħadd. Jaf jagħti l-kas li vittmi ta’ vjolenza domestika jkunu kostretti jqattgħu aktar ħin fl-istess dar mal-aggressur tagħhom.
Fil-fatt f’dawn iż-żminijiet, il-każijiet ta’ vjolenza domestika jiżdiedu.
Qalet, “Dejjem nistennew li jkun hemm żieda ta’ każijiet per eżempju bħalissa ħafna mix-xelters, f’Malta għandna 4 jew 5 xelters bażikament jiffukaw fuq vjolenza domestika, pjuttost huma mimlijin jiġifieri mhux qed nitkellmu fuq l-eluf imma bejn wieħed u ieħor bejn ħamsin u mitt ruħ.”
Farrugia Bennett esprimiet li matul dan iż-żmien tal-Milied ikun hawn aktar festini fejn wieħed jabbuża jieħu grokk jew tnejn.
Spjegat, “Ikun hemm ċirkostanzi, ġieli ltqajna ma’ persuni li jitolbu l-għajnuna minħabba li l-partner ikun ġie d-dar jew ġiet id-dar per eżempju u kienet aggressiva u fejn is-soltu jżomm u jew iżżomm il-kontroll tal-imġieba tagħhom ma jirnexxilhomx u allura imbagħad ikun hemm, forsi dak qed ngħidu iktar vjolenza verbali u fiżika.”
Hi żvelat ir-raġuni għala l-vjolenza domestika f’dawn iż-żminijiet tas-sena tirpilja u tgħolli rasha.
Qalet, “Rajna wkoll li aktar ma l-familji jqattgħu ħin flimkien kien hemm iktar ċirkostanzi fejn seta’ kien hemm vjolenza domestika. Għaliex? Għax iktar ma nkunu iktar ma’ xulxin iktar ovvjament jista’ jkun jinqalgħu ċertu diżgwid u fejn ikun hemm ċirkostanzi ta’ vjolenza domestika, din mhux xi ħaġa għax inqala’ argument imma jkun hemm kontroll u poter minn partner għall-ieħor.”
Fil-fatt il-Maniġer fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ spjegat magħna dawk is-sitwazzjonijiet fejn dan il-fenomenu jonqos.
Qalet, “Nisa li qed ifittxu l-għajnuna mhux biss l-għajnuna li xi ħadd jismahom imma li jitilqu mid-dar għax qed iħossuhom li mhumiex siguri d-dar hija pjuttost iktar għolja minn żminijiet oħrajn bħal per eżempju fil-bidu tal-iskola. Ninnutaw li jkun hemm naqra ta’ drop ta’ requests għal xelter għaliex forsi l-ġenituri ma jkunux qegħdin ifittxu li jħarbtu l-ewwel ftit ġranet tal-iskola tat-tfal.”
Farrugia Bennett appellat lil kull min qed jgħaddi minn esperjenza ta’ vjolenza domestika sabiex iċempel in-numru wieħed, sebgħa, disgħa jew saħansitra jista’ jagħmel kuntatt mal-Aġenzija Appoġġ jew inkella l-pulizija sabiex jingħataw l-għajnuna.
Hi temmet tgħid li l-għajnuna mhux qiegħda hemm biss għall-vittmi ta’ din il-pjaga soċjali.
Qalet, “Aħna wkoll nipprovdu għajnuna għall-aggressuri allura messaġġ ieħor huwa li isma’ jekk inti qed tagħmel eżami tal-kuxjenza u qed tagħraf li għandek imġieba li hija vjolenti lejn il-partner tiegħek, tajjeb li wkoll titlob l-għajnuna, qegħdin ukoll hawnhekk għalik.”