Is-sena elfejn wieħed u għoxrin kienet sena oħra li fiha Malta tilfet bosta minn uliedha.
Personalitajiet u nies li għamlu isem f’pajjiżna u lil hinn minn xtutna kienu fost dawk li ħallewna matul l-elfejn wieħed u għoxrin.
Fil-bidu tas-sena, propjament fit-tlieta ta’ Jannar ħalliena Anthony d’Amato tad-diski.
Tony D’Amato miet fl-età ta’ ħamsa u sebgħin sena wara li qatta’ sittin sena fil-ħanut tad-diski fil-Belt.
Lejn l-aħħar ta’ Jannar, proprjament fid-disgħa u għoxrin ta’ Jannar miet Joe Micallef Stafrace, l-eks Ministru Laburista u ġgant fil-ġurnaliżmu.
Micallef Stafrace kien spiċċa anki interdettjat u anki matul ħajtu, taħt il-ħakma Ingliża, mar il-ħabs minħabba karikatura li kien għamel.
Fit-tmienja ta’ Frar miet id-dulċier Neriku Zammit u fid-dsatax ta’ Frar miet Monsinjur Ġwann Azzopardi, li kien kuratur tal-Mużew tal-Katidral tal-Imdina.
Jibqa’ mfakkar kemm kien skular kbir.
L-eks Direttur Ġenerali tal-GRTU, Vince Farrugia miet fil-ħamsa u għoxrin ta’ Frar fl-età ta’ sebgħa u sebgħin sena filwaqt li fil-ħmistax ta’ Marzu, Raħal Ġdid beka għat-telfa ta’ Tony Bezzina.
Bezzina għamel tlieta u erbgħin sena bħala President tat-tim tal-futbol ta’ Hibernians u fi żmienu l-klabb rebaħ bosta unuri.
Il-Pawlisti huma grati ferm għall-marka li ħalla Tony Bezzina.
Lejn l-aħħar ta’ Marzu, il-ġurnaliżmu tilef raġel ieħor kbir.
Miet Godfrey Grima, il-ġurnalist veteran li ta kontribut qawwi fil-qasam ġurnalistiku anki internazzjonali, fejn ħadem mal-Financial Times.
L-ewwel semmejna li Malta tilfet wieħed mill-ġganti fil-ġurnaliżmu u fl-għoxrin ta’ Mejju, tlifna editur mustaċċun.
Felix Agius, jew Feliċ kif bosta kienu jafuh, miet fl-età ta’ tlieta u sebgħin sena.
Kellu karriera ta’ kważi nofs seklu u ħadem fil-midja Laburista b’ġenwinità u rispett kbir.
Dakinhar tat-tħabbira tal-mewt tiegħu, ONE News kien kiteb li jħossu orfni għaliex Feliċ kien il-missier ta’ bosta ġurnalisti li bdew ma’ ONE News.
F’Mejju miet Joseph Darmanin, eks President tal-Kamra tal-Kummerċ u fl-aħħar tax-xahar imsemmi miet Patri Ġwann Xerri, li ħadem għall-foqra fil-missjoni fil-Brażil.
Il-memorja tal-Patri Dumnikan ġiet onorata fl-aħħar investitura ta’ Jum ir-Repubblika.
F’Ġunju tħabbret il-mewt tal-Professur Malti Edward de Bono, akkademiku u tabib ta’ fama dinjija.
Fil-wieħed u għoxrin t’Awwissu miet Ġużi Grech, l-eks champion tad-dinja tal-billiard.
Huwa kien ħalla din id-dinja fl-età ta’ sitta u sittin sena.
Fit-tmienja ta’ Settembru miet ix-xjentist u kittieb Guido Lanfranco filwaqt li fil-ħdax t’Ottubru miet l-imprenditur Ħamruniż ta’ qalb kbira, Alphonse Farrugia.
F’Ottubru wkoll miet Croce Bonaci, meqjus wieħed mill-aqwa dulċiera f’Malta.
Fis-sebgħa u għoxrin t’Ottubru miet l-attur komiku Joe Debono wara li kien marad bl-ALS.
Fl-aħħar t’Ottubru miet l-Imħallef Emeritu Lino Farrugia Sacco.
Farrugia Sacco jibqa’ mfakkar għall-kontribut kbir li ta lill-isport Malti.
F’Novembru mietet il-Barunessa Christiane Ramsay Scicluna, is-sid u Direttur Maniġerjali ta’ Palazzo Parisio fin-Naxxar.
Fit-tmintax ta’ Diċembru imbagħad Malta bkiet it-telfa ta’ Enzo Gusman, il-kantant Malti li tant ħabb il-mużika Maltija u ta ħajtu għaliha.
Kemm daqqew kanzunetti tiegħu biex ifakkru l-memorja tiegħu.
Enzo Gusman miet il-Kanada fl-età ta’ erbgħa u sebgħin sena.
Lejn l-aħħar tas-sena elfejn wieħed u għoxrin, propjament fit-tmienja u għoxrin ta’ Diċembru, miet il-Professur Albert Fenech.
Il-Professur Fenech ta kontribut qawwi fil-qasam tal-kardjoloġija u flimkien mal-kardjologu Alex Manché kien il-fundatur tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija f’Malta.
Huwa serva fil-Parlament Malti bħala Deputat Nazzjonalista għal tliet snin.