Għat-tieni sena konsekuttiva minħabba l-pandemija, pajjiżna laqa’ s-sena l-ġdida permezz ta’ spettaklu televiżiv minn Forti Sant’Iermu fil-Belt Valletta.
Dan hekk kif il-pubbliku ma setax ikun preżenti minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija u b’hekk bħall-elfejn u għoxrin, sar spettaklu televiżiv fuq l-istazzjonijiet lokali, fosthom anki fuq l-istazzjon ONE.
Mat-tokki ta’ nofsillejl, li fissru l-bidu ta’ sena ġdida u t-tmiem tal-elfejn u wieħed u għoxrin, saret wirja spettakolari ta’ logħob tan-nar mill-Port il-Kbir, bis-sehem ta’ diversi kmarar tan-nar f’pajjiżna, li ħarqu n-nar minn bnadi differenti madwar Malta u Għawdex.
Il-qofol ta’ dan l-ispettaklu ntlaħaq bis-sehem tal-artist ta’ fama internazzjonali, John Newman, b’diversi kanzunetti popolari, fosthom ‘Love Me Again’.
F’dan l-ispettaklu televiżiv ħadu sehem ukoll diversi artisti lokali fosthom Aidan, Ozzy Lino, Jasmine, Gaia u Megan, flimkien mal-Palace String Orchestra, u anke DJ Debrii.
Dan l-avveniment ġie organizzat mill-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta u l-Ministeru għall-Kultura.