L-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi se jiftħu il-bibien tagħhom għat-tieni term skolastiku b’mod online fid-data rispettiva tagħhom u fiżikament fuq il-bankijiet tal-iskola mill-10 ta’ Jannar.
Iċ-childcare centres se jiftħu wkoll fl-istess jum.
Dan ġie deċiż wara laqgħa li saret illum bejn il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima u Grupp ta’ Ħidma magħmul minn rappreżentanti mill-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u indipendenti, flimkien mal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT u l-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Fi stqarrija l-Gvern qal li saret laqgħa wkoll fost oħrajn mar-Rettur tal-Università ta’ Malta, fejn ġie maqbul li l-Università tiftaħ il-bibien tagħha b’mod normali għas-sessjonijiet tat-tagħlim prattiku fit-3 ta’ Jannar.
Imbagħad mill-10 ta’ Jannar it-tagħlim se jkun b’mod fiżiku jew online skont id-diskrezzjoni tal-fakultajiet rispettivi.
Ġie spjegat ukoll li l-eżamijiet fl-Università huma ppjanati li jsiru kif diġà stabbilit.
Fil-każ li studenti jinqabdu b’każ mediku relatat mal-Covid-19, dawn se jingħataw l-opportunità li jiġu assessjati f’temp ta’ ftit ġimgħat wara, minflok f’Settembru.
Filwaqt li l-Ministru Grima rringrazzja lill-edukaturi għall-ħidmiethom il-Grupp ta’ Ħidma wasal ukoll għal ftehim li s-sitwazzjoni fl-iskejjel se tibqa’ tiġi evalwata minn jum għal ieħor skont il-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.