L-ispezzjonijiet mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA qegħdin jiżguraw li l-istabbilimenti f’pajjiżna jimxu mal-miżuri maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa marbuta mal-imxija tal-COVID-19.
Dan l-istazzjon osserva numru ta’ spezzjonijiet li l-Ħamis filgħaxija kienu qed isiru fil-Valletta Waterfront.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Infurzar fi ħdan l-awtorità spjegalna fejn qegħdin isiru l-ispezzjonijiet mill-ħaddiema ta’ dan id-dipartiment.
Mifsud qal, “Ħa nkunu qed induru maġġoralment l-istabbilimenti tal-ikel biex naraw li qed josservaw il-protokolli ukoll u jista’ jkun aktar tard fil-ġurnata immorru naraw xi attivitajiet jew xi tieġ għaliex ukoll huma responsabbiltà tagħna.”
David Mifsud spjegalna ukoll kif n-numru ta’ spezzjonijiet li jsiru mill-uffiċċjali tal-MTA intensifika f’dan iż-żmien ta’ festi biex jassigura li l-protokolli huma osservati kullimkien.
Id-direttur innota ukoll kif l-għan ewlieni tal-ispezzjonijiet mhuwiex li jitħarrku s-sidien tal-istabbilimenti iżda li tinforma, tispjega u twissi qabel jittieħdu passi ta’ infurzar.
Dan qiegħed isir b’bilanċ fil-mod ta’ kif il-ħaddiema ta’ dan id-dipartiment qegħdin jinfurzaw il-protokolli, liema bilanċ qiegħed jintlaqa’ tajjeb mill-operaturi.
Huwa tenna, “Ġieli issib nies li huma inqas diffiċli u jikkoperaw u jgħidulek għandek raġun, kellna daqsxejn nuqqas u nirranġawha. Kif qed ngħid aħna nippruvaw noħolqu sistema ta’ komunikazzjoni, mhux ta’ infurzar li tmur u inti twaħħal multa. L-idea, l-iskop huwa l-ewwel huwa li naraw li l-persuna għandu l-bouna volonta illi jirranġa l-ħaġa meta tkun ħażina.
Fl-aħħar Mifsud temm jgħid li biex kulħadd ikun sigur u jimxi mal-protokolli, l-pubbliku għandu jikkopera u jagħżel stabbilimenti li qegħdin jimxu mal-istess protokolli. Dan sabiex tkun issalvagwardjatha s-saħħa tiegħu u ta’ madwaru.