Ir-reati li jinkludu persuna jew aktar anzjana kienu kostanti mill-2018 ’l hawn għajr għal dawk li jaqgħu taħt vjolenza domestika.
Dwar dan tkellimna mal-Ispettur Mark Cremona li spjegalna ċifri notevoli.
Wieħed jinnota li fl-2021 in-numru ta’ reati li jaqgħu taħt vjolenza domestika fuq l-anzjani qabeż il-mitejn każ għall-ewwel darba fl-aħħar erba’ snin.
Cremona spjegalna kif din iż-żieda fin-numru ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika rrappurtati mhux neċessarjament jirriflettu żieda fir-reati mwettqa imma żieda fir-rapurtaġġ.
Hawnhekk, Cremona innota t-twaqqif ta’ taqsima speċjalizzata fuq il-vjolenza domestika li qed taqbad u tindirizza aktar każijiet li qabel ma kienux jiġu rrappurtati, dak li jissejjaħ id-‘dark figure of crime’.
L-Ispettur Cremona stqarr kif bħala Korp qiegħed jiffoka fuq il-prevenzjoni tar-reati permezz ta’ kampanji t’għarfien, minn diversi taqsimiet fi ħdan l-istess Korp.
Huwa tenna, “Bħal ma ġara din is-sena, is-sena d-dieħla ser nerġgħu nagħmlu kampanja biex inqajmu ħarsien fuq il-vjolenza domestika u nħajru lin-nies biex jirrappurtaw. Jekk in-nies mhux ħa jirrappurtaw, aħna mhux ħa nkunu nafu li qed isir dak ir-reat u mhux ħa nkunu nistgħu nipprevjenu.”
Intant, Cremona spjega numru ta’ azzjonijiet li l-Korp jippromwovi għall-prevenzjoni tar-reati fuq l-anzjani.
Stqarr, “Waqt il-kampanji tagħna dejjem nisħqu li għandna nagħtu dawn it-tips lill-anzjani fosthom li jieħdu ħsieb l-affarijiet ta’ valur, li ma jżommux affarijiet ta’ valur id-dar, li jvarjaw il-ħinijiet ta’ meta joħorġu.”
L-użu tal-internet b’mod għaqli ukoll huwa messaġġ ta’ prijorità għall-Korp li jwassal għand l-anzjani, speċjalment sabiex persuna ma tippromwovix in-nuqqas tagħha fuq dawn il-mezzi.
L-Ispettur temm jappella lill-pubbliku inġenerali b’mod speċjali dawk li jgħoddu sittin sena jew aktar sabiex jagħmlu l-ewwel pass u jirrappurtaw reati minnufih.