Is-sena 2021 kienet waħda rekord għal Infrastructure Malta bi tlestija ta’ proġetti maġġuri li jinkludu l-Marsa Junction flimkien mal-mini ta’ Santa Luċija u l-proġett tas-Central Link fost oħrajn.
Proġetti li b’kollox jammontaw għal investiment totali ta’ €200 miljun.
Barra minn hekk, il-proġetti fit-toroq residenzjali matul is-sena kienu laħqu wkoll numru rekord. Dan wara t-tlestija ta’ aktar minn mitejn triq, kif spjegalna l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Fredrick Azzopardi.
Huwa tenna, “Kellek ukoll toroq residenzjali li anki din is-sena ukoll kienet sena ta’ rekord. Sena ta’ rekord għax saru aktar minn medja ta’ erba’ toroq fil-ġimgħa, qbiżna l-mitejn triq din is-sena.”
Azzopardi żied jgħid kif barra t-toroq residenzjali, matul is-sena Infrastructure Malta lestiet mal-mitt triq rurali, li għalkemm dawn mhumiex daqshekk frekwentati minn bosta huma importanti ħafna għal dawk il-bdiewa u nies oħra li jagħmlu użu minnhom ta’ kuljum.
Ma naqsux ukoll il-proġetti ambjentali bħal dawk ta’ tħawwil t’għexieren t’eluf ta’ siġar f’Bengħajsa u l-Imsida fost l-oħrajn, b’ħidma li saret m’entitajiet differenti.
Proġetti oħra li tlestew inkludew ukoll Triq l-Għeriexem fir-Rabat fejn mhux biss sar xogħol strutturali iżda ikkumplimenta l-madwar bil-ħolqien ta’ belvedere.
Matul dan iż-żmien ta’ festi xorta ser jibqa’ għaddej ix-xogħol, speċjalment fuq proġetti li x-xogħol fuqhom ma jistax jieqaf.
Dawn jinkludu proġetti marittimi kif ukoll proġetti oħrajn li jgawdu mill-għeluq tal-iskejjel biex b’hekk jitnaqqas l-inkonvenjent.
Meta mistoqsi dwar x’ser ikun ix-xogħol tal-aġenzija matul is-sena 2022, il-Kap Eżekuttiv innota kif bosta proġetti ser jaraw progress sostanzjali, fosthom il-proġett tax-Shore-to-Ship fil-Port il-Kbir.
Filwaqt li proġetti oħra mistennija jaraw it-tlestija tagħhom.
Azzopardi stqarr, “Bħalissa għaddej xogħol pereżempju ftit ‘il bogħod minn hawnhekk ħdejn l-ajruport, il-Luqa Junction, għandna l-Underpass tal-Imrieħel li semmejt ukoll li ukoll ser ikunu qegħdin mhux biss jitkomplew imma jkunu qegħdin jitlestew.”
Fredrick Azzopardi temm jgħid kif l-ħsieb wara kull proġett huwa li jgħaqqad l-infrastruttura b’mod ħolistiku fejn ikunu intiżi biex jtejjbu l-kwalità tal-ħajja bi prijoritajiet differenti bħal tnaqqis fil-ħinijiet, nuqqas t’emmissjonijiet u aktar sigurtà.