Fil-Parlament matul is-sena elfejn wieħed u għoxrin għaddew erbgħin liġi.
Dan intqal mill-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia f’intervista ma’ ONE News.
Mill-bidu tal-leġislatura, jiġifieri minn Ġunju tal-elfejn u sbatax sakemm il-Parlament għalaq għall-vaganzi f’Diċembru, għaddew mitejn u għoxrin liġi.
Qal, “Aħna ilna tliet snin, bħala clearance rate ta’ kemm ngħaddu liġijiet, kemm jiġu deċiżi riżoluzzjonijiet u mozzjonijiet fil-Parlament nazzjonali meta mqabbel ma’ Parlamenti nazzjonali tal-Ewropa, inkluż l-Ingilterra, aħna qegħdin number one, warajna hemm l-Ingilterra u jekk minix sejjer żball jew il-Ġermanja jew l-Awstrija. Imma aħna qegħdin the first bħala pajjiż li ngħaddu liġijiet fl-interess ta’ dan il-pajjiż.”
Dr Farrugia qal magħna kif tul l-elfejn wieħed u għoxrin huwa ta madwar tletin ruling u saħaq fuq l-importanza li x-xogħol tal-Kamra jibqa’ għaddej.
L-Ispeaker tal-Parlament qal ma’ ONE News kif il-Parlament baqa’ għaddej xorta minkejja l-pandemija.
Spjega, “Xi ħaġa li kemm ilna għaddejjin mill-pandemija tal-Covid-19, il-Parlamenti kollha tal-Ewropa kellhom hiccups kbar. Kien hemm min is-seduti kienu sospiżi għal ħafna ġimgħat, kien hemm min għamel is-seduti online biss. Aħna bi ftehim mal-Gvern u l-Oppożizzjoni u bil-mod kif aġixxejna mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa, bqajna għaddejjin bis-seduti kollha, il-kumitat tal-Parlament kollu.”
Staqsejna lill-Ispeaker dwar l-attendenza tad-Deputati.
Qal, “Kienet ħafna aħjar. Ovvjament, dejjem nixtieq li jkollna aktar parteċipazzjoni, għaliex mhux li tkun preżenti biss, imma li tipparteċipa. Parteċipazzjoni hemm, kif qed ngħid, però nixtieq li jkun hemm aktar parteċipazzjoni.”
Tul din is-sena, il-Parlament Malti fakkar il-mitt sena mill-ftuħ tiegħu. L-Ispeaker qal li l-Parlament fakkar dan l-avveniment b’seduta speċjali u quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.