Fi żmien meta ħafna avvenimenti jinsabu mdendla minħabba s-sitwazzjoni dejjem tiżviluppa tal-pandemija, uħud diġà huma skedati li jsiru.
Diversi elezzjonijiet tul is-sena d-dieħla mistennija jeleġġu mexxejja ġodda minn pajjiżi influwenti ħafna.
Fost l-oħrajn, f’April Franza mistennija tmur għal elezzjoni Presidenzjali. Il-president Franċiż Emanuel Macron, mistenni jerġa’ jikkontesta minkejja li għadu ma kkonfermax.
Is-sena d-dieħla, għajnejn l-Unjoni Ewropea ser ikunu wkoll fuq l-elezzjoni fl-Ungerija hekk kif l-ogħla uffiċjali Ewropej jittammaw li l-elfejn u tnejn u għoxrin tkun il-ħdax u l-aħħar sena ta’ Viktor Orbán fit-tmexxija tal-pajjiż.
Ma jonqsux ukoll avvenimenti sportivi li mistennija jwaħħlu miljuni ta’ telespettaturi quddiem it-televiżjoni tagħhom għal ġimgħat sħaħ.
Ewlenija fosthom hija l-kompetizzjoni tat-tazza tad-dinja li se ssir fil-Qatar. B’differenza għal edizzjonijiet passati, is-sena d-dieħla din il-kompetizzjoni hija skedata li ssir bejn il-wieħed u għoxrin ta’ Novembru u t-tmintax ta’ Diċembru. Din id-deċiżjoni kienet ittieħdet wara li ġew ikkunsidrati t-temperaturi għoljin li jiddominaw fil-Qatar fix-xhur Sajfin.
Din mhix l-unika kompetizzjoni sportiva skedata għas-sena d-dieħla.
F’Beijing se jsiru l-Olimpjadi tax-Xitwa. Hawnhekk saret kritika mhux biss minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija iżda wkoll għaliex fiċ-Ċina ntqal li mhuwiex pajjiż denju li jospita l-Olimpjadi hekk kif is-sitwazzjoni tad-drittijiet umani, mhix mill-aħjar.