Żagħżugħ li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati meta ġie mixli li kien involut fi ġlieda f’Paceville.
Fil-Qorti ntqal kif fis-sebgħa u għoxrin ta’ Novembru l-Pulizija arrestat żewġt irġiel wara ġlieda. Missier il-vittma mar l-għassa tal-Pulizija biex jirrapporta, u l-Pulizija marru fuq il-post u għarfu lill-akkużat.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-vittmi kienu qegħdin biswit ristorant meta l-akkużat kellu xi jgħid magħhom, u allegatament qalgħu daqqiet ta’ ponn fuq rashom u wiċċhom u anke ntlaqtu minn flixkun.
Din il-ġlieda ma dehret fuq l-ebda kamera tas-sigurtà u l-akkużat ingħata l-Police Bail. Minkejja dan, il-Pulizija rċeviet żewġ rapporti li l-akkużat avviċina wieħed mill-vittmi u offra li jħallaslu għall-kura medika, u qallu li aħjar ikun ħabib, milli l-għadu tiegħu.
Dan ikkonfermah l-akkużat stess meta ġie mistoqsi mill-Pulizija.