Il-Qorti għandha biżżejjed provi biex tpoġġi żewġ Libjani u ħames kumpaniji taħt att t’akkuża marbuta ma’ ħasil tal-flus, hekk kif dawn allegatament ma ddikjaraw ebda dħul lill-awtoritajiet filwaqt li ddepożitaw mijiet t’eluf ta’ ewro fil-kontijiet bankarji tagħhom.
Dan ħareġ hekk kif kompla jinstema’ l-każ ta’ Hesham Zayed u Essam Mohammed Edernawi u l-kumpaniji tagħhom, li tressqu l-Qorti għall-ewwel darba f’Novembru li għadda.
Hawn intqal kif l-evidenza eżistenti turi stampa ċara tar-rabta bejn iż-żewġ Libjani flimkien mal-kumpaniji, u operazzjoni kriminali li ħaslet miljuni ta’ ewro fi flus kontanti.
Fil-Qorti ġew eżaminati tranżazzjonijiet bankarji bejn kontijiet tal-akkużati u l-kumpaniji tagħhom, fejn ġew innutati miljuni ta’ ewro f’depożiti u tranżazzjonijiet.
Ġie innutat ukoll li minkejja li Zayed kien irreġistrat li ma jaħdimx, kien involut f’madwar erbgħin kuntratt marbuta ma’ proprjetajiet, u kellu ħmistax-il karozza reġistrati f’ismu.