Numru ta’ djar tat-tfal gawdew minn ikel u ħtiġijiet oħra li nxtraw mill-forzi dixxiplinati fuq inizjattiva tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.
L-inizjattiva li saret għat-tieni sena konsekuttiva ttellgħet biex id-djar tat-tfal ikunu mgħejuna fi provvisti ta’ bżonnijiet essenzjali.
F’din l-inizjattiva pparteċipaw il-Forzi Armati ta’ Malta, il-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment talProtezzjoni Ċivili, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Aġenzija LESA.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri li ukoll għen fit-tqassim tal-istess ikel saħaq li l-ġest huwa eżempju ta’ sforz żgħir li jħalli differenza fil-ħajja ta’ kuljum ta’ dawn it-tfal.
Huwa żied jgħid kif bħala forzi dixxiplinati kien hemm ix-xewqa li jtaffu l-piżijiet ta’ dawn id-djar anki jekk għal perjodu qasir.