Mal-aħbar li Clifton Grima nħatar Ministru tal-Edukazzjoni u l-Isport, ġew reazzjonijiet pożittivi għad-deċiżjoni għaqlija li l-isport u l-edukazzjoni jingħaqdu id f’id f’Ministeru wieħed.
Dan għaliex l-isport mhuwiex biss arma li biha negħlbu d-diffikultajiet ta’ saħħa fiżika iżda għandu jkun parti integrali minn ħajjitna u l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta li tiftaħ l-għarfien dwar l-importanza tiegħu.
ONE News tkellem ma’ Mark Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta li qal kif id-deċiżjoni se tagħti spinta lill-isport.
Huwa tenna, “Bla dubju ta’ xejn il-Gvern kienu ilu jindika sena wara sena li l-isport huwa importanti, l-investiment kien bla preċedent, SportMalta kibret ukoll bla preċident. Għandna żewġ logħbiet importanti l-logħob ta’ Special Olympics u l-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ġejjin. Il-Gvern reġa’ investa wkoll fl-atleti allura din kienet it-timbru, is-siġill li l-Gvern ta direzzjoni li l-isport huwa settur importanti billi elevah f’Ministeru.”
Cutajar kompla jgħid kif din id-deċiżjoni turi sens ta’ kontinwità.
Qal, “Bla dubju ta’ xejn din kienet naħseb għażla ideali għaliex, għax kemm Clifton Grima kien diġà ħadem fis-settur edukattiv fi żmienu u kemm Clifton Grima kien is-Segretajru Parlamentari fl-isport. Ir-relazzjoni li bnejna bejn Clifton Grima u SportMalta hija relazzjoni eċċellenti ħafna, relazzjoni li qed tħalli ħafna frott u wara kollox f’dawn ix-xhur li ġejjin għandna l-importanza tal-kontinwità.”
Il-ġurnalist sportiv, Sandro Micallef spjega kif hu u l-kollegi tiegħu kienu ilhom jaħdmu għal dan il-mument ħafna snin.
Micallef stqarr, “Dejjem għamilna l-argument illi l-isport għandu jitla’ fuq livell ta’ Ministeru u dan biex jintbagħat messaġġ u naħseb din id-deċiżjoni li l-Gvern qed jagħmel l-isport fuq livell ta’ Ministeru qed jibgħat messaġġ qawwi f’pajjiżna li l-isport sa fl-aħħar ħa jibqa tiela ’l fuq fuq l-aġenda tal-Gvern.”
Qal kif dan huwa l-pass li għandha bżonn Malta biex tagħmel qabża fl-isport.
Tenna, “Nittama wkoll li issa l-isport ma jibqax biss kwistjoni ta’ ġlieda kontra l-obeżità li hija tajba, ma jibqax kwistjoni biss li nċaqilqu lill-pajjiż li hija tajba wkoll iżda wkoll niffukaw fuq riżultati tant mixtieqa fix-xena internazzjonali.”
Intant, il-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima ltaqa’ mal-Unjin tal-Għalliema għall-ewwel darba f’din il-kariga.
L-MUT esprimiet ir-rieda tagħha biex taħdem mal-Ministru l-ġdid għall-benefiċċju tal-edukaturi u l-istudenti.