Fil-pjazza ċkejkna tal-Għargħur, tiddomina l-faċċata tal-każin ta’ San Bartilmew, li għal dawn iż-żminijiet ta’ festi, tinsab imżejna b’ilwien differenti.
Il-faċċata tal-każin hija miksija b’bozoz li qed jaħdmu b’sistema ta’ dawl sinkronizzat mal-mużika li jagħtu spettaklu lil kull min jgħaddu mill-madwar.
Din is-sena, is-Segretarju tal-każin Mario Abela u ibnu Gianluca, ħarġu bl-inizjattiva li jsir esperiment b’sistema li toħloq stampa jew disinn.
Abela tenna, “Mela ħa naraw warajna d-dawl tal-każin li armajna din is-sena ħa jkun huwa sinkronizzat mal-mużika. Ikollu bejn għoxrin minuta show. Din is-sena għidna nagħmlu xi ħaġa differenti bħal dawl smart lights neopixel ngħidulu aħna u daħħalna elementi differenti mhux tas-soltu fejn in-nies jistgħu japprezzaw ix-xogħol ta’ dawl kif inhu armat mal-faċċata sabiħa li għandna l-Għargħur.”
Gianluca spjega kif tfasslu d-disinni, sar il-ħadid u tpoġġew cables b’tali mod li ma jolqtux il-faċċata li ġiet irrestawrata fl-elfejn u dsatax.
Huwa qal, “Il-faċċata se tibqa’ mixgħula sat-tmienja ta’ Jannar u konna nvoluti l-kumitat kollu speċjalment missieri fejn ħareġ bl-inizjattiva li nagħmlu xi ħaġa differenti mhux tas-soltu u l-kumitat kollu kien hemm min għen biex niwweldjaw xi ħadid u nweħlu xi ħadid mal-faċċata biex dejjem inwaħħlu affarijiet differenti.”
F’dan il-proġett taw sehemhom ukoll bosta voluntiera li kull sena jaħdmu iktar biex ikabbru l-ispettaklu.