Il-gazzetta KullĦadd innutat kif il-pjan tal-Partit Nazzjonalista biex jindirizza t-tibdil fil-klima huwa pjan mimli miżuri li jitfgħu piżijiet fuq in-nies.
Il-gazzetta qalet li quddiem il-pjan tal-Gvern biex jindirizza l-fenomenu tat-tibdil fil-klima, l-Oppożizzjoni baqgħet maħkuma minn paniku u ferneżija hekk kif mhux qed jirnexxielha toħloq pjan aktar ambizzjuż.
Agħar minn hekk, l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech qed tkun t’ostaġġ tad-dikjarazzjonijiet tagħha stess.
Dan għaliex skont ir-rapport tal-gazzetta, fuq naħa għandek Oppożizzjoni li ma tistax tirrevedi l-mira li għamlet għaliha stess u fuq in-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista qed jevita li jgħid lill-Maltin bil-pjan tiegħu li jfisser taxxi ġodda, ħlasijiet u tbatijiet, speċjalment għal dawk vulnerabbli u dawk bi dħul baxx u medju.
Il-gazzetta KullĦadd qalet li l-istrateġija tal-partit ta’ Bernard Grech kixifha s-Sindku Ġiljaniż Albert Buttigieg li fit-Times għamel serje ta’ dikjarazzjonijiet u domandi retoriċi li kollha jindikaw nuqqas ta’ ideat u ħsibijiet mill-Oppożizzjoni u aktar piżijiet fuq il-familji Maltin u Għawdxin jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern.
Buttigieg qal li biex jintlaħqu l-miri kontra t-tibdil fil-klima, irid ikollna Gvern li mhux biss jinkoraġġixxi x-xiri ta’ karozzi elettriċi u l-użu tat-trasport pubbliku b’xejn, kif fil-fatt diġà qed jagħmel il-Gvern, iżda wkoll jitnaqqsu n-numru ta’ karozzi eżistenti fiċ-ċirkolazzjoni.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Buttigieg tikkonferma dak li qalu lill-gazzetta mkejjen fid-Dar Ċentrali, li Bernard Grech beda jiddiskuti serjament li jnaqqas il-karozzi fit-toroq permezz tan-number plates u jkunu jistgħu jiċċirkolaw biss f’ċerti ġranet jew ħinijiet u mhux kuljum jew mhux il-ħin kollu.
“Għandna nillimitaw il-karozzi għal kull dar? Hu aċċettabbli li familja ta’ erbgħa jkollha erba’ karozzi? Għandna nħeġġu lin-nies tal-lokal jew viżitaturi biex jużaw it-trasport pubbliku jew it-taxis aktar milli karozzi personali jew mikrija? Għandha tiżdied l-età tas-sewqan?” staqsa Buttigieg.
Il-gazzetta saħqet li kulma jmur aktar qed joħroġ fid-deher il-qerq Nazzjonalista fejn minkejja li għandek il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Robert Cutajar imur fuq it-televiżjoni u jpinġi stampa sabiħa tal-preżunti proposti tal-Partit Nazzjonalista, fil-verità l-partit ta’ Bernard Grech qed jiddiskuti aktar taxxi u ħlasijiet għall-poplu u għal dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
“Għall-konfużjoni u n-nuqqas ta’ ideat tal-Partit Nazzjonalista, iħallas il-poplu Malti”, temm jiddikjara r-rapport tal-gazzetta.