Glenn Busuttil ta’ 44 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati bl-involviment tiegħu f’attentat ta’ rikatt.
Dan billi b’mod falz kien allegatament ingħad li persuna ġiet maħtufa wara li ġiet rilaxxata mill-isptar.
Huwa ġie akkużat ukoll li kien riċediv u li kiser ordni ta’ trattament mill-Qorti.
Busuttil mhux l-ewwel persuna li tressaq il-Qorti fuq dan il-każ.
L-Ispettur Stephen Gulia spjega kif id-Direttur Spiritwali tal-Ħabs f’Kordin kien ikuntattja lill-Pulizija wara li ċempillu ċertu wieħed Mohammed Tahmasebi Ghareb Shiran. Huwa kien qallu li ġie maħtuf.
Minn hemmhekk kienet skattat operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ minn madwar 50 uffiċjal tal-Pulizija. Shiran kien eventwalment instab f’appartament fil-gżira ta’ Jonathan Abela li wkoll kien tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ flimkien ma’ Sarah Zammit.
Shiran ngħata sentenza ta’ 9 xhur priġunerija l-ġimgħa li għaddiet b’rabta ma’ dan il-każ wara li ammetta li din l-istorja ta’ ħtif ġiet iffabbrikata f’attentat li jinġabru l-flus sabiex jintużaw għax-xiri ta’ drogi.