Attriċi Ingliża magħrufa li tidher f’series fuq Netflix flimkien m’ommha ngħataw sentenza sospiża wara li t-Tnejn filgħodu tressqu l-Qorti akkużati li heddew uffiċjali tal-Pulizija u li kisru l-paċi pubblika fost oħrajn.
Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca hekk kif ġie spjegat mill-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Leeroy Balzan Engerer li l-każ seħħ l-għada tal-Milied.
Engerer kompla jispjega li Serena Maria Falzon ta’ 49 sena u bintha Ameerah Renata Falzon-Ojo ta’ 19-il sena kienu involuti f’waħda minn ħafna ġlidiet li seħħew fl-istabbilimenti ta’ divertiment f’Paceville u l-każ inqabad kollu fuq il-bodycams tal-uffiċjali.
L-akkużati wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Wara li d-Difiża u l-Prosekuzzjoni ddeliberaw flimkien mal-Maġistrat għal ftit minuti fil-privat, il-Qorti ddeċidiet li tagħti sentenza ta’ 9 xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar liż-żewġ imputati. Huma ngħataw ukoll multa ta’ €1100 kull wieħed.