Is-sitta u għoxrin edizzjoni tal-Istrina ma kinitx speċjali biss għax kienet is-sitta u għoxrin waħda li ssir kull sitta u għoxrin ta’ Diċembru iżda kienet edizzjoni oħra li wriet il-qalb kbira tal-Maltin u l-Għawdxin.
Matul l-Istrina ta’ din is-sena nġabru iżjed minn ħames miljun, tmien mija u ħamsa u erbgħin elf ewro.
Dawn il-flus kollha nġabru waqt il-maratona ta’ tnax-il siegħa, bejn nofsinhar u nofsillejl, li xxandret fuq l-istazzjonijiet lokali, bil-fondi miġbura jmorru b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Il-ġenerożità tal-Maltin ma naqsitx anki minkejja l-pandemija hekk bosta kkonkorrew biex jagħtu d-donazzjonijiet billi ċemplu jew preżentaw il-flus.
Il-President ta’ Malta Dr George Vella u s-Sinjura tiegħu Miriam Vella għamlu maratona ta’ tnax-il siegħa sħiħa jirċievu t-telefonati mill-Palazz ta’ Sant’Anton wara li ma setgħux ikunu fiżikament preżenti, minħabba li jinsabu fi kwarantina.
Fi tmien din l-edizzjoni tal-Istrina, il-President ta’ Malta qal li xtaq ikun fiżikament preżenti għal din l-Istrina.
Qal li filwaqt li fiċ-ċirkustanzi preżenti, għalkemm mhiex somma rekord, is-somma miġbura hija waħda fenomenali.
Saħaq li sal-aħħar, il-Malti baqa’ juri l-qalb kbira billi jagħti d-donazzjonijiet.
Il-President tenna, “Minn għada nkomplu bix-xogħol tagħna. Il-Malta Community Chest Fund tkun hemm 365 ġurnata fis-sena kollha u minn dawn il-flus li ġbarna jibdew jiġu mqassmin ħalli jagħmlu l-karità u l-opri tal-ħniena ma’ min ikollu bżonn.”
Fil-bidu tal-Istrina kien hemm preżenti wkoll fost oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia, flimkien ma’ binthom Giorgia Mae.
Il-Prim Ministru saħaq kif f’Jum l-Istrina, il-poplu jdaħħal idejh fil-but għal persuni li ilhom jgħixu realtà diffiċli għal żmien twil, simili għal kif il-bqija tad-dinja ilha tgħix f’dawn l-aħħar sentejn.
Dr Abela appella lill-poplu Malti sabiex juri fiduċja fix-xjenza u s-settur mediku sabiex jieħdu d-doża tal-booster kontra l-Covid-19.
Hekk ukoll il-pazjenti li jirċievu l-għajnuna mill-Malta Community Chest Fund għandhom fiduċja fix-xjenza u f’dawk li jikkurawhom, biex ifiqu.
Il-Partit Laburista wkoll preżenta donazzjoni b’risq l-Istrina.
Intant fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-President ta’ Malta qal li l-linji tad-donazzjonijiet se jibqgħu miftuħin u l-pubbliku huwa mistieden ikompli jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu.