Id-dħul tal-Gvern din is-sena laħaq rekord ta’ aktar minn erbgħa punt ħames biljun ewro. Xhieda li l-ekonomija Maltija mhux talli qed tirkupra f’pandemija, imma li saħansitra qed tissaħħaħ.
Fil-fatt, dan id-dħul li ġġenera l-Gvern fl-ewwel ħdax-il xahar ta’ din is-sena, juri żieda ta’ mija u ħamsin miljun ewro fuq is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Din iż-żieda ta’ aktar minn tlieta fil-mija kienet possibbli minkejja l-miżuri finanzjarji li ħa l-Gvern biex jgħin lin-negozji u l-ħaddiema.
Id-dħul tal-Gvern mit-taxxa tad-dħul ukoll ra żieda ta’ mija u sebgħa u sittin miljun ewro mill-elfejn u dsatax, biex dan ukoll laħaq rekord ġdid, filwaqt li l-bolla rat żieda ta’ ħamsa u tmenin miljun ewro.
Dawn huma xhieda li l-impjiegi f’pajjiżna jinsabu fi stat tajjeb u qed jissaħħu.
Id-dħul mill-VAT ukoll ra rekord u żdied bi tmintax-il miljun ewro mill-elfejn u dsatax, li juri li l-konsum mill-poplu żamm sod u ssaħħaħ.
Dan kollu seħħ fost kritika tal-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech, li sostniet kif it-tbassir li d-dħul tal-Gvern se jkun ogħla minn dak fl-elfejn u dsatax, huwa realtà virtwali.
Dan intqal wara li l-Partit Nazzjonalista ddeskriva n-nefqa sabiex jgħin lill-familji u n-negozji, bħala tberbiq ta’ flus.
Dawn ir-riżultati pożittivi ma setgħux ikunu possibbli mingħajr l-investiment rekord tal-Gvern ta’ aktar minn ħamsa punt sitta biljun ewro, li huwa wieħed punt tlieta biljun ewro aktar mill-elfejn u dsatax.
Minkejja ż-żieda fin-nefqa tal-Gvern din is-sena, il-Gvern xorta tejjeb id-defiċit b’sittax fil-mija, biex għal darb oħra ġab fix-xejn il-kritika bla bażi tal-Oppożizzjoni.