Is-Sibt, Franza rrappurtat rekord għoli ta’ aktar minn 100,000 infezzjoni bil-COVID-19. Dan huwa l-ogħla numru li Franza qatt irraportat f’ġurnata waħda minn mindu bdiet il-pandemija.
In-numri rrapportati lbieraħ immarkaw it-tielet jum konsekuttiv li l-infezzjonijiet leħqu l-ogħla livelli rekord.
Intant, għada, il-President Franċiż Emmanuel Macron flimkien ma’ membri mill-gvern tiegħu se jkunu qed jiddiskutu dwar miżuri ġodda biex irażżnu n-numru ta’ infezzjonijiet.
Nhar il-Ġimgħa li għadda, l-awtorità tas-saħħa Franċiża, rrakkomandat li adulti jistgħu jieħdu d-doża addizzjonali minn tliet xhur wara li jkunu tlaqqmu biż-żewġ dożi (jew doża waħda fil-każ tal-Johnson & Johnson).
Il-gvern Franċiż mistenni jdaħħal fis-seħħ ukoll li ċ-ċertifikat tal-vaċċin ikun validu biss għal dawk li jkunu ħadu d-doża addizzjonali.
Fil-fatt, iċ-ċertifikat huwa meħtieġ biex persuni jidħlu f’kafetteriji, ristoranti, spazji pubbliċi kif ukoll għall-ivvjaġġar barra minn Franza.