Għal sena oħra madwar id-dinja kollha, miljuni ta’ tfal bagħtu l-ittra lil Missier il-Milied u f’Malta mhux b’inqas.
Fil-kartolini t-tfal jesprimu xi xewqa partikolari fosthom dwar ir-rigal li jixtiequ jaqilgħu jew dwar x’jixtiequ li jesperjenzaw fil-ġejjieni. Dawn ix-xewqat jintbagħtu bit-tama li mat-tokki ta’ nofsillejl, ix-xewqa ssir realtà.
ONE News żar l-uffiċju postali f’Ħal Qormi u ra l-eluf ta’ ittri li t-tfal preparaw għal Santa Klaws. Dwar dan tkellimna mal-kap tal-operat tal-MaltaPost li spjegalna x-xogħol li qed isir sabiex ikun assigurat li dawn l-ittri kollha jaslu għand Santa Klaws qabel il-Milied.
Huwa qal, “Kull sena ħafna tfal jibgħatu l-kartolini lil Santa Klaws, nirċievu eluf ta’ ittri kull sena, ikun hemm minnhom anka jagħmlu xi decoration it-tfal xi tpinġija u barra li jiktbu l-messaġġ lil Santa Klaws. Dan aħna mbagħad wara li nirċivuhom dawn naqdugħhom flimkien u nibgħatuhom lapland biex Santa Klaws ikun jista’ jara t-tfal Maltin x’kitbulu.”
Inżilna isfel fejn jiġu pproċessati l-pakketti qabel jintbgħatu. Hawnhekk Adrian Vassallo fakkarna kif dan huwa t-tieni Milied fil-perjodu tal-pandemija. Qalilna kif is-sena l-oħra kienu ġew affetwati ħafna minn problemi bħal nuqqas ta’ titjiriet tal-passiġieri lejn Malta u b’hekk kien hemm aktar dewmien biex jiġu mqassmin il-pakketti. Però b’ottimiżmu qal kif f’dawn iż-żminijiet il-pakketti u l-ittri qed jiżdiedu bi kważi id-doppju.
Vassallo tenna, “Bħal ma naraw kull sena f’dan il-perjodu l-volumi jiżdiedu,jiżdiedu ħafna bħala pakketti kważi jirdupjaw min-normal ta’ matul is-sena. Din is-sena ukoll barra li kien hemm il-pandemija kien hemm anka fil-bidu tas-sena Brexit u kien hemm anka t-tibdil fir-regoli tal-VAT.”
Iltqajna wkoll ma’ diversi ħaddiema u tennew kif ix-xogħol relatat mal-Milied jibda jiżdied minn xhur qabel għaliex apparti l-ittri u l-fuljetti ta’ matul is-sena, jibdew ta’ kuljum jaraw żieda sostanzjali ta’ pakketti u kartolini tal-Milied.
Hija qalet, “Nagħtu naqa iktar sforz jekk inti tagħmel ċertu affarijiet tipprova tagħti dik in-naqa iktar ħalli kemm jista’ jkun noħorġu l-proċess u x-xogħol iktar mgħaġġel. Dawn iż-żminijiet aħna nkunu busy ħafna imma nippruvaw nagħmlu l-għalmu tagħna biex kemm jista’ jkun il-klijenti jkunu moqdija bl-aħjar mod possibli.”