Il-Milied huwa żmien ta’ tradizzjonijiet speċjali għal bosta Maltin, liema tradizzjonijiet jitfgħuhom lura fi żmien aktar sempliċi, u għalhekk jgħożżu dawn it-tradizzjonijiet.
Richard Matrenza huwa fost dawn il-persuni, u kull sena, jarma presepju li huwa maħsub ilu li nħadem mal-mitt sena ilu.
Huwa spjega ma’ ONE News kif dan il-presepju huwa xogħol tal-idejn, u beda jitgawda mill-familja ta’ martu.
Qal, “Dak naf żgur, u kkalkulajt li hu mitt sena, dak ġej mill-familja tal-mara tiegħi. Jien b’kollox ili nafhom ‘il fuq minn sebgħin sena, u diġà kien qiegħed għandhom meta fil-bidu nett kont nafhom”
Miżgħud b’pasturi karatteristiċi tradizzjonali Maltin, dan il-presepju jerġa’ jieħu l-ħajja kull sena, meta b’entużjażmu jiġi armat f’dawn iż-żminijiet.
Matrenza spjega kif għalih dan il-presepju huwa ferm aktar mill-pasturi u l-kaxxa tagħhom.
Huwa saħaq, “Jien tradizzjonalist, jien għalija dik hi l-presepju. It-tradizzjoni tagħna l-Maltin. Rajthom dak it-tip ta’ pasturi m’humiex dawk is-sbieħ. Jien ngħidilhom tal-għoġġieba, il-pasturi tal-għoġġieba li meta kont tifel kont tixtrihom bis-sold.”
Huwa qal kif il-presepju mhux l-unika tradizzjoni li baqgħet miegħu, hekk kif kull sena jżejjen daru b’Bambin tal-ġibs, u anke l-kċina tiegħu timtela’ b’irwejjaħ ta’ ikel tal-Milied.
Għal Richard Matrenza u bosta Maltin oħra, il-Milied jibqa’ żmien speċjali, liema żmien iġib miegħu tradizzjonijiet importanti li joħolqu atmosfera ta’ paċi.
Matrenza temm jgħid, “Għalija dak li jfisser. Il-Milied fit-tradizzjoni tiegħu huwa li jagħtini pjaċir u sodisfazzjon.”