F’Vinċenz de Paul ilha li daħlet ġmielha l-atmosfera tal-Milied, fejn filwaqt li jiġu segwiti l-miżuri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, fl-aħħar jiem saru attivitajiet biex iżommu r-residenti attivi.
ONE News żar ir-residenza, fejn kien hemm banda ddur u tanima r-residenti minn distanza sigura, sabiex dawn l-anzjani jidħlu fl-ispirtu tal-Milied kif kienu jafuh, dari.
L-infermiera Reuben Cassar, li jaħdem fi ħdan San Vinċenz qal li r-residenti ilhom attivi minn Ottubru meta bdew jgħinu fit-tiżjin u għalhekk sostna li dawn kienu kuntenti ferm hekk kif kienu aktar okkupati.
Qal, “Il-persuni bid-dimensja kemm jista’ jkun inħalluhom attivi u ninvolvuhom fit-tiżjin, imqarr inewlu l-affarjiet jew iwaħħlu l-affarjiet.”
Cassar qal li apparti minn hekk, ir-residenti jħossuhom aktar viċin tar-residenti l-oħra u tal-ħaddiema fi ħdan is-sezzjoni tagħhom, u b’hekk iħossuhom inqas iżolati.
Hawn spikka l-appell sabiex il-qraba jżuru lill-anzjani.
Cassar tenna, “Importanti li f’dal-ambjent ta’ dimensja, il-qraba tagħhom ninvolvuhom.”
Intant, l-infermiera, Alexandra Apap stqarret ma’ dan l-istazzjon kif minkejja s-sitwazzjoni diffiċli li ġġib magħha l-pandemija u s-solitudni li jistgħu iħossu l-anzjani, dan iż-żmien iferraħ ferm lill-anzjani.
Hija saħqet, “Aħna nħossuna bħala familja hawn, għalhekk nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex inżejnu xorta għal daż-żminijiet biex ikunu ferħanin. Bħalissa l-qraba qed jidħlu u jkun hawn atmosfera sabiħa bejnietna.”