Il-Milied ta’ dari kien wieħed li jgħaqqad il-familji Maltin.
Dan intqal mill-espert tad-drawwiet Maltin, Mario Colerio f’intervista ma’ ONE News.
Coleiro qal magħna kif il-Milied ta’ dari kien wieħed sempliċi.
Tenna, “Pjuttost kien isiru fil-Knisja, imbagħad kulħadd lejn id-dar, forsi jieħdu dik in-naqra ta’ imbuljuta jew naqra ċikwejra jew imbagħad kulħadd jinġabar f’daru. L-iktar l-iktar kienu joħorġu d-daqqaqa, idoqqu fit-toroq biex iferħu naqra lin-nies. Il-lum il-ġurnata biddilnihom mad-DJs u l-mużiċisti li naraw fil-festi li nagħmlu.”
Huwa qal magħna kif ir-rigali fil-Milied kienu jingħataw fl-jum tas-sena l-ġdida, iżda meta ġew l-Ingliżi daħlu t-tradizzjoni tal-Boxing Day u ħafna r-rigali bdew jagħtuhom fi żmien il-Milied.
Coleiro innota, “Il-priedka tat-tifel hija xi ħaġa antika li baqgħet issir u tidher li f’pajjiżna biss issir din u anke l-funzjonijiet tal-Knisja, pjuttost baqgħu kważi l-istess bil-quddiesa ta’ nofsillejl, li hija xi ħaġa sabiħa ħafna u 100 sena ilu bdiet il-famuża purċissjoni tal-Bambin, minn San Ġorġ Preca.”
Il-ħakkiema Ingliżi li damu aktar minn mija u ħamsin sena f’pajjiżna ħallew l-impatt tagħhom, hekk kif il-figura tal-Father Christmas u s-siġra tal-Milied waslu f’pajjiżna qabel pajjiżi Mediterranji oħra.
Huwa qal, “Issa aħna minħabba li għamilna kważi mitejn sena taħt l-influwenza tal-Ingliżi konna niċċelebrawhom u nużawhom dawn l-affarijiet, qabel bdew jużawhom illum il-ġurnata bil-kummerċjaliżmu, kullimkien sar l-istess. Però f’Malta minħabba li kellna l-Ingliżi hawnhekk, iċċelebraw u nużaw l-istess idea ta’ ċelebrazzjonijiet bħal l-Ingliżi, li kienet differenti per eżempju minn dik ta’ Sqallija.”