F’jum il-Milied il-Fondazzjoni Caritas Malta qassmet madwar tmien mija u ħamsin ikla fi djar ta’ persuni li jinsabu weħidhom jew m’għandhomx il-mezzi biex jorganizzaw ikla għall-familja tagħhom.
Din hija s-seba’ sena li Caritas Malta qed organizzat attività fejn mijiet ta’ voluntiera ddedikaw din il-ġurnata tant speċjali biex iduru ftit mat-toroq Maltin jferrħu l-familji b’ikla tal-Milied f’nofsinhar.
Qabel il-pandemija, kienet issir ikla kbira fil-Kurja tal-Arċisqof li kienet tospita ‘l fuq minn 600 persuna li m’għandhomx qraba ma min jagħmlu l-ikla tradizzjonali jew m’għandhomx saqaf fuq rashom. Filgħodu ONE NEWS żar iċ-Ċentru Parrokjali tal-Iklin fejn rajna l-aħħar preparamenti tal-ikel qabel jitqassmu lin-nies madwar pajjiżna.
Il-Kordinatur ta’ din l-inizjattiva, Albert Debono spjega x’xogħol hemm wara din l-inizjattiva.
Huwa qal, “Illum li qed jiġri ġie l-ikel mingħand l-Alfred Mizzi Foundation, daħal hawnhekk fil-food hub, qed jitqassam f’boroż kull familja imbagħad ikun hemm xi tlieta, erba’ familji għal kull karozza, l-erba’ boroż imorru fil-garaxx, jgħaddu l-karozzi minn hawnhek, jiġbru il-basktijiet li se jqassmu huma u jmorru jqassmuhom għal nhar il-milied u jgħidu hello u happy christmas il-benefiċċjarji.”
Preżenti ġewwa ċ-Ċentru Parrokjali tal-Iklin, kien hemm ukoll Julian Saliba li huwa chairperson ta’ ‘The Alfred Mizzi Foundation’ fejn tenna li għalih huwa ta’ sodisfazzjon kbir li jista’ jgħin daqshekk nies permezz ta’ din il-fondazzjoni u l-kollaborazzjoni mal-Caritas.
Saliba tenna, “Sodisfazzjon enormi,dan huwa l-kull moħħ ta’ xogħolna tas-sena kollha qisu the icing on the cake ngħidu aħna. Fl-aħħar nispiċċaw is-sena billi illum 800, bejn 800 u 900 ruħ noħdulhom ikla sħuna d-dar ċoe joħdulhom il-Caritas, aħna naħdmu ħafna viċin il-Caritas, għandna teamwork inkreddibli, aħna nipproduċu u huma jqassmu jiħdu ħsieb il-loġistika.”
Tkellimna wkoll ma’ Marica Mizzi, uffiċjal tal-Caritas, li spjegat kif għal persuna li tħossha weħidha f’dawn iż-żminijiet ta’ festi, s-solitudni tinħass iktar minn ġranet normali. Spjegat li apparti li jqassmu l-ikel, il-Caritas jirrispondu telefonati. Hawnhekk irringrazzjat wkoll lill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta li dejjem kien ta’ appoġġ f’din l-attività permezz ta’ ħelu mħejji apposta biex jitqassam u jferraħ lil dawk li jinsabu weħidhom.
Mizzi qalet, “Is-solitudni hija ġerħa kbira u aħna għandna lista ta’ nies li magħtul il-kampanja li kellna bdew iċemplu li jinsabu waħedhom. Illum grupp ta’ voluntiera oħra jinsabu ġewwa l-Head Office li qegħdin jitkellmu ma’ dawn in-nies li jinsabu waħedhom u anka jigwidawhom biex fil-futur mhux jifqu sal-Milied biss naraw kif jistgħu jħdu l-ħajja tagħhom lura.”