L-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna għadda l-messaġġ tiegħu għal dan il-Milied mal-poplu Malti u Għawdxi, fejn appella għall-empatija u l-ħlewwa fil-kliem li nużaw bejnietna.
Huwa fakkar l-okkażjoni li niċċelebraw kull sena f’dan il-jum; dik ta’ twelid ta’ Alla li sar bniedem, u dan niftakruh kull darba li nkunu qegħdin inżejnu d-djar u l-pjazez tagħna.
Hawn huwa ftakar fil-persuni li ġieli jsibu ruħhom fost l-aktar emarġinati fis-soċjetà.
L-Arċisqof tenna, “Nixtieq insellem lin-nies li forsi ma tantx naħsbu fihom: dawk li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, dawk li qegħdin fl-isptarijiet u f’istituzzjonijiet oħra, l-anzjani tagħna f’tant djar fejn isibu għożża, iva, imma jista’ jkun li f’dawn il-ġranet iħossuhom ftit weħidhom. Tajjeb niftakru f’dawk li forsi waqgħu f’xi vizzji, f’dawk li qed jippruvaw isibu l-hena tagħhom f’xi ħaġa li minflok tibnihom, tkissirhom.”
L-Arċisqof saħaq li rridu nieħdu ħsieb l-ambjent fejn ngħixu u silet l-oriġini tal-kelma Malta li ġejja mill-Feniċju, bil-kelma Malet, li tfisser port kenni.
L-Arċisqof semma wkoll l-għasel, li tul l-istorja ta’ gżiritna, dan bqajna magħrufin tant għalih minħabba li hu bnin ħafna.
Hawn semma l-importanza tal-ħlewwa li nużaw bejnietna.
Fakkar fil-bżonn li wieħed jieħu ħsieb tal-kliem li jgħid, hekk kif dawn jistgħu jservu ta’ weġgħa għal min ikunu indirizzati, speċjalment f’dan iż-żmien fejn nużaw il-midja soċjali, fejn il-kelma tista’ tweġġa’ aktar nies.
Huwa għalaq billi rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-kultura tal-ħlewwa li tant iħaddnu, kif ukoll appella sabiex inkunu ta’ kenn għal xulxin.
Temm jgħid, “J’Alla dan il-Milied ikollna l-qalb tagħna miftuħa biex nilqgħu lil xulxin u għal xulxin, u li t-tislima ħelwa tal-Milied tkun ukoll impenn biex nużaw kliem ħelu u sabiħ għal xulxin.”