Fil-ġurnata tal-Milied bosta jingħaqdu mal-għeżież tagħhom u jqattgħu sigħat jieħdu gost u jieklu xi ftit ikel tradizzjonali, forsi iktar mis-soltu. ONE News żar il-Belt u saqsa lin-nies x’se jkunu qegħdin jagħmlu f’din il-ġurnata tant speċjali.
“F’jum il-Milied, ħafna familji jingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù. Illum ġejna ġewwa l-Belt Valletta biex insaqsu ftit nies dwar x’ħa jagħmlu fil-ġurnata tal-Milied.”
Il-maġġoranza tal-Maltin qalu li ħa jgawdu l-Milied, id-dar mal-familja.
Staqsejna wkoll jekk dan il-Milied in-nies hux se jagħmlu xi ħaġa partikolari li qatt m’għamlu qabel però kważi kulħadd se jżomm mal-pjanijiet oriġinali tiegħu.
Waqt li bdejna nduru mat-toroq tal-Belt, iltqajna mas-Sindku Alfred Zammit fejn b’dieqa qal li dan iż-żmien huwa ferm diffiċli minħabba l-mewt tal-ġenituri u ta l-appell tiegħu biex in-nies iqattgħu din il-ġurnata mal-familja.
“Jiena ifimni min mindu mietet ommi b’mod speċjali, mindu mietu l-ġenituri imma minn mindu mietet ommi b’mod speċjali, il-Milied m’għadux li kien, jum il-Milied qed tifhem. Normali konna ninġabru għand ommi. Ma nippjanax imma nistenna li jkolli xi stedina jew oħti jew ħija wieħed minn ħuti għandhom immur imbagħad qed tifhem. Però jien nixtieq nappella lil kulħadd illi min għandu ommu u missieru ħajjin ma jonqosx li fil-Milied ikun magħhom għax wara jiddispjaċikom.”