Fit-Teatru Manoel għaddejjin l-aħħar preparamenti sabiex tittella’ l-produzzjoni “The Twits”, storja miktuba minn Roald Dahl u li se tittella’ fit-Teatru Manoel skont il-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
ONE News żar dan it-teatru waqt il-provi bil-kostumi, fejn magħna tkellem il-produttur Anthony Bezzina.
Huwa spjega kif Dahl kien jikteb stejjer b’karattri kontroversjali, sabiex jgħaddi messaġġ lit-tfal.
“Roald Dahl dejjem kien jikteb, kellu karattri, bħal m’huma the Twits, xejn pjaċevoli, naqra kattivi, koroh, minn kollox. Iktar ma jpenġihom skuri, iktar ikun aħjar. Imma dawn il-karattri dejjem jispiċċaw fl-istorja, megħluba mill-iċken karattru tal-play.”
Bezzina sostna kif din il-produzzjoni kellha tiġi addattata għar-realtà tal-pandemija, u għalhekk tnaqqsu n-numru ta’ persuni fuq il-palk.
Huwa qal li mindu bdiet il-pandemija l-artisti kellhom jaffaċċjaw realtà diffiċli hekk kif saret itqal sabiex jesprimu ruħhom.
Minkejja dan, maż-żmien huma ħadu r-ruħ sostna Bezzina, hekk kif f’dan iż-żmien ta’ festi din il-produzzjoni se tkun qed tintwera fuq medda ta’ jiem.
“Jekk int ma tistax tesprimi ruħek b’xogħolok, jekk int żeffien u mhux qed tiżfen, jekk int kantant u mhux tkanta, mhux qed tagħmel dak li int magħmul għalih. Qisek trid tagħmel affarjiet oħra biex teżisti. Jien dejjem bl-opponjoni personali li fil-ħajja ma tridx teżist, fil-ħajja trid tipprova tieħu kull ma tista’ mill-ħajja sakemm tħallik is-saħħa ovjament.”
Il-produzzjoni se titnwera mill-għada tal-Milied sat-tletin ta’ Diċembru, u l-biljetti jistgħu jinxtraw online.