Kemm huwa importanti li fil-ħajja tagħna jirnexxilna niskopru u ngħixu ir-riċetta tal-ferħ.
Dan qalu l-Isqof ta’ Għawdex, Dun Anton Teuma f’messaġġ għal Jum il-Milied, fejn spjega li jekk inħarsu lejn il-ġrajja tal-Milied, l-anġli lil rgħajja ħabrilhom ferħ kbir.
Ferħ li l-iben ta’ Alla sar bniedem.
Huwa spiega li illum il-ġurnata hemm diversi aljenazzjonijiet li ma jagħtux il-veru ferħ li qed ifittex il-bniedem.
“Il-Milied hu l-mument li fih ilkoll kemm aħna l-familja ta’ Alla, aħna l-Insara, infakkru li Alla li jsir bniedem bħalna u li jagħtina riċetta partikolari, preċiża u speċifika ta’ kif tkun ferħan. Kemm hija ħaġa importanti li fil-ħajja kemm ndumu ħajjin, niskopru din ir-riċetta tal-ferħ u ngħixuha għax inkella nkunu ħlejna ħafna żmien.”
L-Isqof ta’ Għawdex qal kif il-Milied huwa wisq aktar mill-ikliet mal-familji u l-ħbieb.
Ir-ragħaj spiritwali tad-djoċesi Għawdxija rrikonoxxa li hemm min qed ibati u li l-Milied ma jġiblux ferħ għaliex jew tilef xi ħadd għażiż għalih jew iħoss il-firda.
Huwa stieden lil dawk li iħarsu lejn il-festi tal-Milied minn lenti negattiva, biex iħarsu lejn Ġesù fil-maxtura u jistaqsuh kif hu iħarrs lejn it-tbatija.
L-Isqof ta’ Għawdex spjega li l-ġrajja li seħħet aktar minn elfejn sena ilu f’għar ġewwa Betlehem, jġiegħlna nirreflettu fuq il-qagħda tad-dinja bħalissa, fejn ħafna nsara huma ppersegwitati, u huma vittmi ta’ persekuzzjoni u ta’ gwerer.
“Dan il-Milied j’Alla jkun għal kull wieħed u waħda minnha, b’mod speċjali għalina l-Kristjani , għalina l-Insara li nemmnu, xewqa kbira ta’ bidla fil-qalb. Biex l-ewwel u qabel kollox infittxu l-ferħ tagħna, billi nippruvaw inferrħu lil kulħadd, u nfittxu ukoll l-ugwaljanza billi nemmnu u nirrispettaw kull bniedem bid-dinjità u bid-differenzi li għandu”