Fid-daħla taċ-Ċittadella sar restawr ta’ żewġ niċeċ antiki.
Matul dawn l-aħħar xhur sar restawr estensiv fuq in-niċċa bl-isem ta’ Sant’Anna u l-oħra tal-Madonna tas-Solitudni li huma fost l-eqdem f’Għawdex. Dawn kien jeħtiġilhom xogħlijiet ta’ restawr sabiex mhux biss jiġu mħarsa minn iktar deterjorazzjoni imma anke l-madwar tagħhom jingħata dehra aħjar.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura dawn ix-xogħlijiet, filwaqt li ħabbar investiment li se jara l-installazzjoni ta’ bankijiet qrib il-funtana fil-pjazza prinċipali taċ-Ċittadella. Il-bankijiet se jkunu magħmula minn irħam, injam u b’dahar tal-ħadid bl-arma tal-belt Victoria.
Il-Ministru spjega li dan ir-restawr sar b’konsultazzjoni kontinwa mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Qal, “Żewġ niċeċ li għandhom ferm żmien fuqhom ġew irrestawrati hawnhekk fid-daħla taċ-Ċittadella f’Għawdex, xogħol li sar kollu mill-ħaddiema tal-Gvern fi ħdan id-Dirretorat għall-Wirt Kulturali. Xogħol li huwa importanti ferm sabiex propju anka wara li sar ir-restawr estensiv ġewwa ċ-Ċittadella ftit tas-snin ilu importanti ferm li jibqa’ jsir restawr kontinwu biex issa din il-ġawra ġewwa gżiritna mhux biss ikun sar xogħol fuqha darba u ninsew iżda x-xogħol irid jibqa’ jsir.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur għall-Wirt Kulturali John Xuereb tenna li dan ir-restawr sar sabiex jippreserva l-wirt uniku ta’ pajjiżna partikolarment tal-gżira Għawdxija.
Tenna, “Huma żewġ niċeċ imprezzabbli li wieħed jista’ jgawdi int u dieħel iċ-Ċittadella. Huma pjuttost xogħol, il-parti ta’ barra hija xogħol ta’ żmien l-Ingliżi qed ngħidu madwar mija, mija u ħamsin sena ilu imma żgur li hemm storja iktar qadima warajhom.”