Wara erbat ijiem mill-ħelsien ta’ tliet snin ħabs, Iranjan ta’ sitta u għoxrin sena organizza l-ħtif tiegħu stess billi qarraq b’ommu u lid-direttur spiritwali tal-ħabs.
Huwa ċempel lid-Direttur Spiritwali tal-Ħabs, Fr Hayden Williams, li kien għenu jsib post fejn joqgħod wara li nħeles mill-ħabs il-ġimgħa li għaddiet, u sostna li kien maħtuf.
Qal lill-qassis li kien fit-triq meta l-aggressuri kienu sfurzawh jidħol f’vettura, u saqu f’post mhux magħruf fejn rabtuh ma’ siġġu.
Ir-raġel għamel telefonata simili wkoll lil ommu fl-Iran, fejn qalilha li kienu qed jitolbu €2,500 għall-ħelsien tiegħu.
L-ispettur tal-Pulizija Lydon Zammit qal lill-Maġistrat Leonard Caruana kif Shiran u żewġ ċittadini Maltin, Sarah Zammit ta’ 30 sena, u Jonathan Abela ta’ 39 sena, kienu involuti f’dan il-ħtif falz.
It-tlieta wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Kif kienu mexjin ‘il barra mill-awla, b’sorpriża, Shiran talab biex jindirizza l-Qorti għax xtaq iwieġeb li hu ħati.
Għal din l-ammissjoni Shiran ġie ikkundannat disa’ xhur ħabs u ġie ordnat jieħu trattament għall-vizzju tad-droga minħabba li l-prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li l-akkużat kellu problemi serji tad-droga.