Il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ għamel appell b’saħħtu favur it-teħid tal-booster kontra l-Covid-19.
Dan waqt intervista fuq ONE Radio il-Ħamis filgħodu fejn nnota kif fl-aħħar xhur in-nies f’pajjiżna għexu qrib tan-normalità minħabba l-vaċċin.
Stqarr kif rajna fl-aħħar xhur kif pajjiżna salva sajf ta’ xogħol u anke fix-xhur ta’ wara kellna rkupru b’saħħtu.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif l-Awtoritajiet tas-Saħħa kienu indikaw kif il-kriterju li jrid jiġi użat huwa tan-numru ta’ nies fl-isptarijiet u mhux in-numri ta’ każijiet.
Stqarr kif skont l-aħħar numri s-sitwazzjoni fl-isptarijiet għadha waħda stabbli.
Dan filwaqt li tenna kif dan qed jgħidu b’mod kawt minħabba l-mod volatili li biha tinbidel is-sitwazzjoni f’pandemija.
Huwa tenna kif f’dan iż-żmien it-teħid tal-booster jibqa’ kruċjali biex nibqgħu ngħixu qrib tan-normalità.
Qal, “Huwa kruċjali u nibqa’ ntenni u ntenni dan l-appell, it-teħid tal-booster. Qegħdin naraw, hija ċara ħafna, ejja nkunu onesti ma’ xulxin. Li l-vaċċin huwa effettiv u l-vaċċin huwa sigur. U jekk irridu nkomplu ngħixu eqreb lejn in-normalità u eventwalment lejn in-normalità u eventwalment iva rridu naslu biex ngħixu fi stadju ta’ normalità, l-għodda ewlenija li għandna għal dan kollu huwa l-vaċċin.”
Il-Prim Ministru qal kif pajjiżna jrid jattakka bil-vaċċin u jiddefendi bir-restrizzjonijiet.
Qal li pajjiżna jrid jaċċetta li ċertu restrizzjonijiet huma importanti f’dan il-mument li d-dinja tinsab fih.
Stqarr kif l-għan primarju tar-restrizzjonijiet ġodda huwa li tkun sostnuta s-saħħa tal-vaċċin.
Huwa saħaq, “L-għan tagħhom hemmhekk ser ikun li nibqgħu ngħixu qrib in-normalità fl-istess waqt imma li nibqgħu nipproteġu s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Dik kienet prijorità li tlaqna biha minn Marzu tal-2020 u hija prijorità li baqgħet invarjabbli u baqgħet ma nbidlitx.”
Dwar it-teħid tal-booster, il-Prim Ministru spjega li kif għalkemm għandna t-tieni l-ogħla rata fl-Ewropa tat-tilqim tal-booster, għadu mhux sodisfatt u l-appell jibqa’ sabiex wieħed jieħu din id-doża addizjonali.
Hawnhekk innota kif il-wasla tal-vaċċin għat-tfal kien ukoll żvilupp importanti u b’hekk għamel appell ukoll biex il-ġenituri jlaqqmu t-tfal tagħhom.
Stqarr kif il-protokolli li huma marbuta mat-tfal ta’ bejn il-ħames snin u t-tnax-il sena ser ikunu riveduti ġaladarba t-tfal jitlaqqmu.
Il-Prim Ministru stqarr kif f’pajjiżna ġew amministrati aktar minn miljun doża tal-vaċċin filwaqt li l-Oppożizzjoni kienet qalet li pajjiżna mhux ser ikollu iżjed minn 40,000 doża.
Qal kif illum anke l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi kif l-isforzi tax-xiri konġunt li Malta kienet fuq quddiem fihom, kienu ta’ suċċess.
Innota wkoll kif l-Oppożizzjoni titkellem fuq il-pandemija biss meta tibda tinħass pressjoni u jibdew jiżdiedu l-każijiet.
Hawnhekk stqarr kif din turi n-nuqqas ta’ ġenwinità u x-xewqa li jippruvaw jikkapitalizzaw mill-pandemija u jirbħu punti politiċi.
Dwar l-ekonomija f’dan iż-żmien, il-Prim Ministru stqarr li l-kisbiet f’dan il-qasam huma frott deċiżjonijiet f’waqthom li qed jieħu dan il-Gvern immexxi minnu.
Fost dan il-frott hemm ir-rata ta’ qgħad li hija l-inqas waħda fl-istorja, għalkemm fi żmien pandemija.
Huwa nnota kif fid-dħul tat-turisti f’pajjiżna, kien hemm riġidità iżjed minn pajjiżi oħra Ewropej.
Il-Prim Ministru nnota minħabba f’hekk rajna kif turisti bdew jafdaw lil pajjiżna u jarawh bħala pajjiż sigur.
Dwar id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Kabinett li tkun estiża l-Covid Wage Supplement sal-aħħar ta’ Jannar, il-Prim Ministru qal kif il-Gvern ser jibqa’ hemm biex isostni lin-negozji.
Saħaq, “L-għajnuna min-naħa tal-Gvern ser tibqa’ tkun qiegħda hemmhekk pero nagħmel dan l-appell biex kulħadd jibqa’ jkun responsabbli, jekk qed nitkellmu sidien ta’ ristoranti, jekk qed nitkellmu s-sidien ta’ stabbilimenti ta’ entertainment u oħrajn, responsabbilità u koperazzjoni anke fil-miżuri restrittivi biex jgħinuna biex inżommu l-imxija tal-virus milli timxi ’l quddiem.”
Dwar il-kriżi fil-prezzijiet tal-fjuwil u l-enerġija, stqarr kif f’pajjiżna, b’kuntrast ma’ pajjiżi oħra, il-prezz inżamm stabbli u dan għaliex il-Gvern reġa’ kien ta’ spalla u refa’ l-piż hu.
Hawnhekk innota kif f’pajjiżna jeżistu fost l-orħos prezzijiet tal-fjuwil.