Il-Gvern ħabbar li l-Ministeru għal Għawdex għall-ewwel darba se jkun qed joffri borża ta’ studju lil residenti Għawdxin li jixtiequ jsegwu Kors fl-Amministrazzjoni Sportiva.
Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif spjega li b’kollaborazzjoni m’Avanza Academy, dan il-kors se jkun offrut f’Għawdex stess u akkreditat f’livell ta’ MQF 5.
B’hekk permezz ta’ din il-borża ta’ studju, il-Gvern se jkun qed jiffinanzja 30% tal-ispejjeż involuti filwaqt li l-bqija tas-70% jistgħu jkunu rkuprati permezz tal-iskema Get Qualified.
Dan sabiex ikun hemm issa r-riżors uman sabiex jamministra l-investiment bla preċedent li qed isir f’kumplessi sportivi ta’ livelli internazzjonali f’Għawdex, fosthom dak taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv li mistenni jkun lest is-sena d-dieħla.
Qal, “Dan propju qegħdin nagħmluh biex insaħħu dan it-talent li huwa issa importanti ferm sabiex propju jkollna nies li huma kapaċi jamministraw dawn l-istess kumplessi sportivi li qed ninvestu fihom ġewwa l-gżira t’Għawdex.”
Intant il-kordinatur sportiv Kevin Azzopardi sostna l-ħidma kbira li qed issir fil-qasam tal-iżvilupp sportiv f’Għawdex.
Huwa aċċenna għal din il-ħidma, fosthom l-inizjattivi favur programmi li jattiraw parteċipazzjoni fl-attività fiżika u l-għajnuna lill-organizzazzjonijiet sportivi.
Spjega, “Il-proġett ambizzjuż li l-Ministeru ta’ Għawdex għandu li fis-sena 2023 l-gżira Għawdxija tkun irrapreżentata għall-ewwel darba fil-logħob tal-gżejjer f’Guernsey.”
Is-sessjonijiet se jsiru fiċ-Ċentru tal-Università ta’ Malta fix-Xewkija, darbtejn fil-ġimgħa bejn il-ħamsa u t-tmienja ta’ filgħaxija u se jibdew f’Jannar li ġej.