Iċ-Ċilen akkużat bi frodi u ħasil ta’ flejjes li jlaħħqu l-mitt miljun dollaru u li ilu għal dawn l-aħħar ġimgħatejn fil-kustodja tal-Pulizija Maltija inżamm taħt arrest sakemm il-prosekuzzjoni tipprovdi l-ispjegazzjonijiet kollha mitluba mid-difiża waqt it-tieni seduta t-Tlieta filgħodu.
Kienu tnejn il-punti ewlenin li qajjmet id-difiża ta’ Alberto Chang-Rajii fis-seduta quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja- l-imparzjalita u l-validita tal-akkużi miġjuba kontra l-akkużat f’ pajjiżu u li wasslet għat-talba tal-estradizzjoni tiegħu u t-talba għal-laptop tal-akkużat li għadu fiċ-Ċili u li huwa kruċjali għad-difiża tiegħu.
Id-difiża rrimarkat li l-qorti Ċilena, li semgħet il-każ ta’ Chang-Rajii f’ April li għadda u li ffaċilitat it-talba għall-estradizzjoni, ma kinitx imparzjali hekk kif wieħed mill-imħallfin li ddeċieda kellu interess dirett li l-akkużat jinstab ħati f’ pajjiżu peress li l-familja tas-sieħba tiegħu kienu uħud mill-vittmi tiegħu.
L-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali intalab tikkonferma li dan l-imħallef irrikuża ruħu mill-każ fiċ-Ċili biex b’hekk ikun hemm smigħ xieraq fl-eventwalita li jingħata l-permess tal-estradizzjoni. Fid-dawl li fiċ-Ċili tressqu persuni b’ rabta mal-istess każijiet ta’ frodi, fosthom omm l-akkużat stess, id-difiża saqsiet għaliex l-akkużat mhuwiex mixli b’ kompliċita- u għalhekk pprovaw jitfgħu dubju fuq min kien l-id wara l-akkuża.
Dan filwaqt li nnutaw li l-akkużi li intalbet l-estradizzjoni għalihom f’ Ġunju li għadda daħlu fis-seħħ fil-liġi taċ-Ċili wara li Chang-Rajii tressaq il-Qorti. Għar-risposti ta’ dawn id-domandi, l-Maġistrat Bugeja talab lill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali biex jikseb l-informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet Ċileni sas-seduta li jmiss, fl-4 ta’ Jannar.
Dan peress li t-talba għall-estradizzjoni għandha tinqata’ fi żmien xahrejn. Id-difiża talbet biex il-laptop taċ-Ċilen- li ma kienx issekwestrat- jinġieb minn pajjiżu peress li fih dokumenti li skonthom juru li hu innoċenti. Qabel jaċċetta din it-talba l-Maġistrat Bugeja talab għal ġustifikazzjoni mill-awtoritajiet Ċileni għaliex il-laptop tħalla fil-pussess tal-akkużat- fid-dawl tan-natura tal-akkużi u li l-akkużat kien taħt liberta proviżorja f’ pajjiżu fejn seta’ faċilment ibabas l-evidenza.
L-akkużat, li deher kalm ħafna u tkellem b’ edukazzjoni, għalkemm jekk jintbagħat lura f’ pajjiżu jista’ jeħel sa għoxrin sena ħabs, ttieħed mill-awla taħt arrest, peress li r-Reġistru mhux jaċċetta s-somma ta’ mitt elf ewro depożitu fi flus kontanti.
Għad-difiża dehru l-avukati Stefano Filletti u Stephen Tonna Lowell. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispettur Chris Galea Scallura u l-avukat Vincienne Vella.